STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX
Proċess ta’ tendering nadif u trasparenti mill-Ministeru għal Għawdex
Tweġiba għall-Istqarrija tad-Deputat ta’ l-Oppożizzjoni, Dr. Anton Refalo
Il-Ministeru għal Għawdex jiċħad l-allegazzjonijiet tad-Deputat ta’ l-Oppożizzjoni Anton Refalo. L-intenzjoni tal-Oppożizzjoni hi li tipprova tfixkel lill-Gvern fil-proġetti li jkun qiegħed jagħmel. Flok jesprimi sodisfazzjon li f’Għawdex qed isiru proġetti għall-benefiċċju tal-Għawdxin, tal-Maltin u t-turisti li jżuru l-gżira, l-Oppożizzjoni hi biss interessata fi tfigħ ta’ tajn. Il-proġetti joħolqu ġid ekonomiku li minnu jgawdu l-Għawdxin u għalhekk hu għajb li timpika mal-Għawdxin għal xejn b’xejn.
Il-proċess ta’ tendering fil-Ministeru għal Għawdex dejjem kien, għadu u jibqa’ wieħed skont ir-regolamenti tal-Public Procurement u bbażat biss fuq il-kompetizzjoni ġusta. Dan huwa proċess miftuħ u trasparenti u għalhekk il-Ministeru għal Għawdex qatt u bl-ebda mod ma ffavorixxa lill-ebda kumpanija. Dan kien il-każ ukoll fil-proċess tat-tender tat-triq tax-Xlendi.
It-tender għax-xogħlijiet fuq din it-triq kellha tinħareġ darbtejn. Dan minħabba li l-ewwel darba li ħarġet, l-ebda offerta ma kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet tat-tender u b’hekk kellha toħroġ għat-tieni darba. Il-proċess f’dawn iż-żewġ każijiet kien wieħed nadif u trasparenti, kif dejjem kien. Dan huwa għalhekk tfigħ ta’ tajn fil-konfront tal-Ministeru għal Għawdex min- naħa tal-Oppożizzjoni.
Prova oħra ta’ kemm kien nadif u trasparenti l-proċess tat-tendering tat-triq tax-Xlendi joħroġ mill-fatt li l-appell li sar fuq din l-istess tender intrebaħ mill-gvern.
Għalkemm kien ippjanat biex ix-xogħlijiet fuq it-triq tax-Xlendi jsiru fix-xhur tax-xitwa, minħabba li t-tender għax-xogħlijiet kellha tinħareġ darbtejn kif ukoll minħabba l-appell, il-proċess ta’ tendering ħa aktar fit-tul milli kien mistenni, u għalhekk ix-xogħlijiet ma setgħux jibdew qabel, kif kien ippjanat. Dan jiċħad dak li qal fl-istqarrija tiegħu Dr. Anton Refalo, li għall-Ministru għal Għawdex u għall-Gvern l-interessi tal-kuntrattur jiġu qabel il-ħobża ta’ kuljum tal-operaturi fis-settur turistiku fix-Xlendi.
Għalhekk ix-xogħlijiet fuq din it-triq ser ikollhom isiru fix-xhur li ġejjin sabiex ikun żgurat li l-proġett jitlesta fiż-żmien stipulat, kif kien maqbul meta dan il-proġett ġie approvat għall-finanzjament mill-fondi tal-Unjoni Ewropea. Dan biex Għawdex ikompli jgawdi mill-benefiċċji tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Sabiex jonqsu kemm jista’ jkun l-inkonvenjenzi għall-operaturi turistiċi tax-Xlendi, il-Ministeru għal Għawdex ħa l-inizjattivi neċessarji kollha biex ikun hemm aċċess alternattiv tajjeb għall-bajja tax-Xlendi, waqt li jkunu qed isiru x-xogħlijiet.
Dan juri biċ-ċar kemm l-istqarrija ta’ Dr. Anton Refalo kienet intenzjonata biss biex tħammeġ, titfa’ t-tajn u tpoġġi f’dell ikrah lill-Ministeru għal Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990