STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI, EKONOMIJA U INVESTIMENT
Frott tmexxija responsabbli, Malta fost l-uniċi żewġ pajjiżi li naqqsu d-defiċit
Tweġiba għall-Istqarrija tal-Kelliem L-Oppożizzjoni għall-Finanzi, Charles Mangion
Il-finanzi ta’ pajjiżna qed jitmexxew b’mod għaqli u responsabbli tant li matul l-2009 Malta kienet, flimkien mal-Estonja, fost l-uniċi żewġ pajjiżi li rnexxilhom inaqqsu d-defiċit. Dan il-fatt li jixhed il-prestazzjoni ta’ pajjiżna fir-rigward tat-tmexxija tal-finanzi ma jagħtihix il-Gvern iżda l-Kummissjoni Ewropea li f’rapport ippubblikat fit-22 ta’ April li għadda, issostni li Malta u l-Estonja kienu l-uniċi żewġ pajjiżi li matul l-2009 naqqsu d-defiċit, filwaqt li l-25 pajjiż l-ieħor kollha żiedu d-defiċit.
Riżultat ta’ dan, id-defiċit f’pajjiżna tniżżel għal 3.8%, li huwa ferm aħjar mill-medja tad-defiċit fl-Unjoni Ewropea, li huwa ta’ 6.8%.
L-għaqal u r-responsabbiltà tal-Gvern Malti wasslu biex il-finanzi tal-pajjiż illum huma ferm aktar stabbli minn dawk ta’ pajjiżi ferm aktar ekonomikament b’saħħithom minn tagħna, u pajjiżna saħansitra jinsab f’pożizzjoni li jintalab li jgħin finanzjarjament lil dawn l-istess pajjiżi biex ma jfallux.
Bosta pajjiżi Ewropej qed jirrikkoru għal miżuri ta’ awsterità biex jikkontrollaw id-defiċits tagħhom. Dan qed jagħmluh billi jżidu t-taxxi, jiffriżaw il-pagi, jitterminaw impjiegi mas-settur pubbliku, jgħollu l-età tal-irtirar jew inaqqsu l-investimenti tagħhom fuq setturi bħall-edukazzjoni u l-qasam soċjali.
Il-Gvern Malti investa fejn meħtieġ matul ix-xhur li għaddew biex fl-eqqel ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja internazzjonali, jiżgura li ma jintilfux il-postijiet tax-xogħol u nibqgħu nattiraw lejn pajjiżna investimenti ġodda. L-UE stess irrikonoxxiet, f’rapport preżentat lill-istituzzjonijiet Ewropej dwar iż-żona ewro, li Malta kellha wieħed mill-aktar pakketti ta’ stimolu fiskali b’saħħithom fost il-bqija tal-membri bl-għan li tilqa’ għall-kriżi finanzjarja u ekonomika internazzjonali. Filfatt, ir-rapport jgħid li l-akbar pakketti ta’ inċentivi ngħataw minn Spanja (2.3% tal-PGD), l-Awstrija (1.8%), Finlandja (1.7%) u Malta 1.6%.
Flok miżuri ta’ awsterità, il-Gvern anke fil-baġit li għadda kompla jdaħħal numru ta’ inizjattivi intiżi biex jixprunaw l-ekonomija u jħarsu l-postijiet tax-xogħol. Dawn jinkludu inizjattivi intiżi biex inaqqsu sostanzjalment it-taxxa għall-intrapriżi żgħar u medji li jħaddmu magħhom mal-131,000 persuna. Il-Gvern kompla wkoll jinvesti aktar fl-edukazzjoni, fis-saħħa, fil-qasam soċjali, fl-ambjent u fl-infrastruttura tal-pajjiż.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990