WIRJA PROGRESSIVA TAGĦLAQ IT-12-IL SENA TA’ SKOLA SPORT F’GĦAWDEX
Studenti ta’ l-iskejjel primarji u sekondarji f’Għawdex li pparteċipaw fil-programm ta’ Skola Sport matul din is-sena, ħadu sehem fl-aħħar attività organizzata għalihom fil-Kumpless Sportiv fir-Rabat, Għawdex. It-tfal preżenti urew il-kapaċitajiet tagħhom f’wirja kollettiva ta’ 15-il dixxiplina sportiva li kienu jipprattikaw waqt is-sessjonijiet ta’ Skola Sport matul is-sena.
Preżenti għal din l-attivita’ kien hemm fost l-oħrajn, il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono. F’diskors li ghamlet, hija qalet li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed kontinwament jinvesti fil-Kumpless Sportiv, u fil-futur qarib, fid-dawl tal-viżjoni tal-gvern li jagħmel minn Għawdex gżira ekoloġika, hemm il-pjanijiet li tinbena indoor pool li se tkun ta’ inċentiv għall-poplu Għawdxi biex jipprattika aktar l-isport u jiġġieled kontra l-problema ta’ l-obeżità.
Il-Ministru Giovanna Debono semmiet ukoll il-gym u l-weightlifting area ġodda li ġew inawgurati f’dan il-kumpless sportiv aktar kmieni din is-sena, kif ukoll xogħol kontinwu ta’ manutenzjoni li jwassal biex il-post isir aktar akkoljenti għal dawk kollha li jiffrekwentaw il-kumpless sportiv. Matul din l-attività ġew ippremjati l-aħjar studenti fil-kategorija taż-żgħar kif ukoll dawk fil-kategorija tal-kbar. Kull student ingħata medalja u ċertifikat ta’ attendenza.
Għall-ewwel darba din is-sena, l-Iskola Sport f’Għawdex offriet dixxiplini ġodda fosthom id-dance aerobics u squash. Dan minbarra d-dixxiplini sportivi l-oħra li jinkludu l-hip-hop u l-breakdance, table/lawn tennis, ġinnastika, climbing, ċikliżmu, arti marzjali, handball u basketball, hockey, u l-ħiliet fil-logħba tal-futbol.
Din is-sena tnediet ukoll Adventure, sessjoni ġdida fejn kull nhar ta’ Sibt, gruppi ta’ studenti kienu jesperjenzaw l-avventura f’ambjent ‘l barra mill-Kumpless Sportiv. Fost l-oħrajn huma żaru faċilitajiet sportivi oħra bħall-Korsa taż-Żwiemel f’Tax-Xħajma u l-Gozo Stadium.
Fl-edizzjoni ta’ Skola Sport ta’ din is-sena, li nżammet kull nhar ta’ Sibt minn Novembru 2009 sa Mejju 2010, ipparteċipaw madwar 230 student. L-attivitajiet ta’ Skola Sport ġew organizzati f’Għawdex matul dawn l-aħħar tnax-il sena fuq inizjattiva tal-Ministeru għal Għawdex b’koordinazzjoni mill-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990