TWAQQIF TAL-FERGĦA TA’ L-ENGLISH SPEAKING UNION (ESU) F’GĦAWDEX
It-twaqqif tal-fergħa ta’ l-English Speaking Union (ESU) f’Għawdex se jkun ifisser li l-poplu Għawdxi se jkun jista’ jibbenefika mis-servizzi u l-għajnuna ta’ din il-union sabiex ikun f’pożizzjoni aħjar biex jikkomunika mal-bqija tad-dinja. Dan qalitu l-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, waqt ċerimonja li matulha tnediet il-fergħa ta’ l-ESU f’Għawdex.
Hija qalet li aħna fortunati li minbarra l-ilsien nazzjonali, għandna l-Ingliż bħala lingwa uffiċjali. Żiedet tgħid li waqt li l-Malti jgħinna nikkomunikaw bejnietna u b’hekk inkunu qed insaħħu u nippromwovu l-kultura u t-tradizzjoni tagħna, il-lingwa Ingliża tgħinna biex nikkomunikaw b’mod aktar faċli mal-bqija tad-dinja u waqt konversazzjonijiet dwar suġġetti speċjalizzati bħan-negozju u x-xjenza.
Il-Ministru Giovanna Debono qalet li l-ħidma ta’ l-ESU f’Għawdex biex tippromwovi l-Ingliż permezz tal-letteratura, l-arti u l-mużika, se tkun qed tippromwovi l-paċi permezz ta’ din il-lingwa, fiż-żmien meta l-lingwa Ingliża saret il-lingwa tad-dinja, illum villaġġ globali. Hija rringrazzjat lil Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex (GBC) għall-appoġġ tagħhom fit-twaqqif ta’ din il-fergħa f’Għawdex, kif ukoll lis-Sur Joe Hamilton, il-Prinċipal tar-Royal British Legion f’Malta, li bl-appoġġ fost l-oħrajn tal-Ministeru għal Għawdex u l-Gvern Ingliż, introduċa korsijiet fil-lingwa Ingliża għall-istudenti tal-primarja u s-sekondarja f’Għawdex.
Waqt din iċ-ċerimonja, ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn l-ESU f’Malta u l-fergħa ġdida f’Għawdex, bil-għan li f’Għawdex ukoll jogħla l-livell ta’ l-Ingliż miktub u mitkellem. Dan fil-preżenza taċ-Chairman Emeritus tal-Kunsill Internazzjonali ta’ l-ESU Lord Watson ta’ Richmond, il-President tal-Kunsill Internazzjonali ta’ l-ESU Prof. Zettersten, iċ-Chairman ta’ l-ESU f’Malta is-Sur Martin Scicluna, u l-President tal-fergħa ta’ l-ESU f’Għawdex is-Sur Joe Grech. Kien hemm preżenti wkoll 60 delegat minn madwar id-dinja.
L-English Speaking Union hija għaqda internazzjonali li twaqqfet fl-1918 sabiex tippromwovi l-lingwa Ingliża waqt taħdidiet internazzjonali, biex tinkoraġġixxi l-użu kostruttiv tal-lingwa permezz ta’ programmi edukattivi kif ukoll biex tipprovdi forum għal ħbiberiji internazzjonali permezz ta’ dawn il-unions f’kull parti tad-dinja. Sa issa, l-ESU hi rappreżentata fi 52 pajjiż madwar id-dinja.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990