DISKORS MILL-O. CHRIS SAID, SEGRETARJU PARLAMENTARI GHALL-KONSUMATURI, KOMPETIZZJONI GUSTA, KUNSILLI LOKALI U KONSULTAZZJONI PUBBLIKA, WAQT IS-SEMINAR DWAR IL-LIFELONG LEARNING, ORGANIZZAT MILL-KUNSILL LOKALI MOSTA – MOSTA
Sinjuri.
Qabel xejn xtaqt nirringrazzjakom talli ġejtu hawnhekk illejla. Il-preżenza tagħkom turi li intom interessati fl-edukazzjoni. Interessati fl-edukazzjoni tul il-ħajja mhux biss għalikom iżda anki li tippromwovu dan il-kunċett fost ir-residenti tal-lokalitajiet tagħkom. Dan il-kunċett tal-Lifelong Learning hu importanti fil-Viżjoni 2020 tal-Unjoni Ewropea, u hu kruċjali fil-Viżjoni 2015 li addotta pajjiżna.
Qed ngħixu fi żmien meta mhux la kemm għandek impjieg, imma importanti li tibqa’ titgħallem biex ittejjeb il-ħiliet tiegħek u allura takkwista pożizzjonijiet aħjar. Maż-żgħażagħ tal-lum m’għadiex treġi l-idea li akkwistajt impjieg u se tibqa’ fih, tagħmel l-istess affarijiet, sakemm toħroġ bil-pensjoni.
Iż-żgħażagħ tal-lum ifittxu impjiegi produttivi u li jagħtuhom salarji tajbin. Il-ħaddiem tal-lum ifittex li jtejjeb lilu nnifsu u li jisfrutta opportunitajiet ġodda.
Ir-rwol tagħna bħala Gvern hu li ngħinu billi noħolqu ambjent ekonomiku stabbli b’tali mod li n-negozji jibqgħu jiġġeneraw il-qligħ, li jinħolqu l-impjiegi, u allura r-rota tibqa’ ddur. Riżultat tar-riċessjoni internazzjonali mhux qed ngħixu żminijiet faċli, iżda nistgħu ngħidu b’wiċċna minn quddiem, li l-ħidma li għamilna fis-snin li għaddew tat il-frott. Għaldaqstant id-daqqa ma ħassejnihiex daqs pajjiżi oħra.
Tkellimt fuq il-ħolqien tal-impjiegi għaliex verament nemmen li dan hu l-punt tat-tluq tal-ħidma tagħna. L-għan aħħari ta’ dak kollu li nagħmlu għandu jkun li noħolqu l-impjiegi. U biex dawn il-postijiet tax-xogħol jimtlew, hu importanti li jkollna ħaddiema mħarrġa u li jkomplu jitħarrġu u jitgħallmu tul ħajjithom.
Tgħiduli dan x’għandu x’jaqsam mal-Kunsilli Lokali? Għandu x’jaqsam ħafna. Għaliex intom bħala Kunsilli Lokali, u intom bħala kunsillieri, għandkom tkunu l-promoturi tat-tagħlim tul il-ħajja fil-komunitajiet rispettivi.
Aktar ma titgħallem u titħarreġ aktar għandek ċans li ssib impjieg. Jekk int impjegat, u jekk int qed taħdem b’mod produttiv u qed tikkontribwixxi għall-ekonomija tal-pajjiż, anqas għandek ċans li tkun f’riskju ta’ faqar. Hu fl-interess tal-Kunsilli Lokali li l-komunitajiet li jirrappreżentaw jelevaw irwieħhom minn dan ir-riskju. B’hekk ikollna soċjeta’ aktar b’saħħitha u aktar inklussiva, u kulħadd igawdi kwalita’ ta’ ħajja aħjar.
Id-Diviżjoni tal-Edukazzjoni u l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ qed iħaddmu diversi skemi, uħud ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea u oħrajn skemi mfassla b’fondi tal-Gvern Malti, biex jgħinu kemm jistgħu fit-taħriġ ta’ ħaddiema u ta’ persuni li qed ifittxu xogħol. Jeżistu wkoll skemi u boroż ta’ studju mfassla apposta għal dawk li jridu jistudjaw f’livelli akkademiċi għolja.
Miċ-ċifri li għandna jidher ċar li l-Maltin huma għatxana li jkomplu jistudjaw. Ħa nagħti ftit eżempji.
Is-sena li għaddiet, miż-żewg skemi ta’ boroż ta’ studju STEPS u l-Malta Government Scholarship Scheme (MGSS), ingħataw 336 scholarship. Bl-iSTEPS waħedha tħallsu 37 Dottorat u 143 Masters. Bl-MGSS tħallsu 32 Dottorat, 15-il Masters u 109 (mija u disa’) degree fil-livell ta’ Baċellerat. Iċ-ċifri jitkellmu waħedhom.
Il-Gvern qed jinċentiva wkoll it-tagħlim billi jabbina ċertu korsijiet ma’ tnaqqis fit-taxxa. Hekk per eżempju bl-iskema My Potential, li tintuża b’mod partikolari minn dawk li jkomplu bl-istudji fl-ICT, fl-aħħar erba’ snin kien hemm 1,750 (elf, seba’ mija u hamsin) ruħ li ffrankaw medja ta’ 3,650 ewro (tlitt elef, sitt mija u hamsin ewro) fi ħlas tat-taxxa.
L-ETC wkoll qed tagħmel il-parti tagħha u fasslet diversi programmi biex tgħin persuni jitħarrġu u anki jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol.
Fix-xhur li għaddew 547 persuna sabu impjieg permezz tal-Employment Aid Programme (EAP). Dan il-programm għandu l-għan li jgħin persuni qiegħda jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol. Min iħaddem u jimpjega persuni qiegħda permezz ta’ din l-iskema, jirċievi lura nofs is-salarju li jkun ħareġ.
Diġa kelli ċ-ċans nirreferi għar-riċessjoni internazzjonali u kif Malta ma ħaditx daqqa kbira daqs pajjiżi oħra. Għandkom tkunu tafu li l-EAP għen 120 ruħ li tilfu l-impjieg fl-2009 minhabba l-kriżi finanzjarja internazzjonali. Dawn sabu impjieg ftit ġranet wara li tilfu x-xogħol oriġinali taghhom.
Skema oħra tal-ETC li tinteressa lill-Kunsilli Lokali direttament hi dik tal-Community Work Scheme. Din hi indirizzata għal persuni li ilhom jirreġistraw mill-anqas ħames snin, u l-parteċipanti jingħataw il-possibilita’ li jaħdmu fil-komunita’ għal 30 siegħa fil-ġimgħa. Għal dan ix-xogħol huma jitħallsu 75 fil-mija tal-paga minima nazzjonali.
46 Kunsill Lokali u ħames NGOs, bejniethom, qed joffru impjieg lil 150 ruħ taħt din l-iskema. Terz minn dawn jinsabu f’Ghawdex. L-iskema bdiet f’Awwissu 2009 f’Għawdex u ġiet estiża bil-mod għall-bqija ta’ Malta. Ix-xogħol li jingħata lill-parteċipanti ivarja minn xogħol klerikali għal xogħol manwali. Bi pjaċir ngħid li l-Kunsilli Lokali fehmu l-vantaġġi ta’ din l-iskema u t-talbiet biex jipparteċipaw fiha qed jiżdiedu.
Skema oħra. Il-Youth Employment Programme (YEP), li tnieda fl-2009 u hu mifrux fuq tliet snin. Dan hu maħsub biex jilħaq liż-żgħażagħ vulnerabbli għax ma temmewx l-edukazzjoni sekondarja u m’għandhomx xogħol. L-għan ewlieni tal-YEP hu li jgħin lil dawn iż-żgħażagħ jakkwistaw il-ħiliet neċessarji u jkunu kapaċi jsibu xogħol. Il-mira tal-YEP hi li sal-2012 jintlaħqu mal-4,860 (erbat’elef, tmin mija u sittin) żagħżugħ li jinsabu f’din is-sitwazzjoni.
Permezz tal-ESF Employability Programme, li tnieda f’Mejju tal-2009, l-ETC qed tagħti korsijiet ta’ taħriġ b’xejn lil min qed ifittex xogħol jew lil min irid ibiddel l-impjieg. Matul l-l-2009, 6,745 ruħ ingħataw taħriġ permezz ta’ din l-iskema.
Inħeġġiġkom, biex bħala Kunsilli Lokali, tippromwovu l-boroż ta’ studju u l-iskemi ta’ taħriġ li jamministraw id-Diviżjoni tal-Edukazzjoni u l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ. Agħmlulhom riklam fost ir-residenti u l-komunitajiet rispettivi taghkom. Dawn l-iskemi jeżistu u jsiru kampanji sħaħ ta’ promozzjoni fuq livell nazzjonali. Iżda importanti wkoll li l-messaġġ jasal ukoll fuq livell lokali.
U proprju għax nemmnu ħafna fir-rwol tal-Kunsilli Lokali, illum qed inniedu l-Iskema ta’ Għajnuna Finanzjarja għal Korsijiet Lifelong Learning għall-2010 li se tkun maqsuma f’żewġ partijiet.
Qabelxejn, id-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni se jkompli jgħin lil dawk il-Kunsilli Lokali li jridu joffru korsijiet fit-tagħlim bażiku tal-Malti u l-Ingliż għall-adulti.
Barra minn hekk il-Gvern Ċentrali se jgħin biex il-Kunsilli Lokali jorganizzaw numru ta’ korsijiet b’xejn, fl-ibliet u l-irħula madwar il-gżejjer Maltin. Il-Kunsilli Lokali interessati li joffru dawn il-korsijiet jistgħu japplikaw mad-Dipartiment u jekk it-talba tiġi approvata, 50 fil-mija tal-ispejjeż kollha tal-kors ikunu koperti.
Il-korsijiet għandhom ikunu mmirati lejn il-membri kollha tal-komunitajiet tagħkom. Is-suġġetti li jistgħu jiġu offruti jvarjaw mil-lingwi, għall-matematika u x-xjenzi, u l-ħiliet fl-IT. Jistgħu jingħataw ukoll korsijiet prattiċi bħal korsijiet fl-ewwel għajnuna, fl-ippjanar finanzjarju, dwar id-drittijiet tal-konsumatur u dwar it-tnaqqis fil-ħela tal-enerġija.
Il-Kunsilli Lokali ilhom involuti fl-organizazzjoni ta’ korsijiet u fit-tagħlim sa mit-twaqqif tagħhom. Permezz tagħkom qed noffru wkoll l-E-Biz indirizzat għall-imprendituri żgħar u medji u l-E-Tfal li jgħin lil tfal sa għaxar snin f’suġġetti akkademiċi.
Punt tal-aħħar.
Tkellimt ħafna dwar it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja tan-nies li tirrappreżentaw intom. Imma tajjeb li tieqfu ftit u taħsbu dwar l-opportunitajiet ta’ taħriġ li jeżistu għalikom il-kunsillieri u għalikom l-impjegati tal-Kunsilli Lokali. Fis-sentejn li għaddew żidna l-allokazzjonijiet finanzjarji tal-Kunsilli Lokali. Tajnikom aktar flus u aktar responsabbiltajiet. Dan ma kienx ikun jagħmel sens li kieku ma konniex nagħtukom ukoll it-taħriġ neċessarju biex takkwistaw u ssaħħu l-ħiliet amministrattivi tagħkom b’tali mod li tagħtu servizzi effiċjenti lil kull min jitlobhom.
Id-Dipartiment tal-Gvern Lokali fassal korsijiet apposta. U dħalna wkoll bi sħab mal-privat. Persważ li kollha smajtu bil-korsijiet E-Councils – sensiela ta’ korsijiet speċjalizzati maħsuba biex iħarrġu impjegati tal-Kunsilli Lokali jwettqu xogħolhom b’mod aktar effiċjenti u effettiv.
Qed naħdmu ħafna fuq tagħlim u taħriġ tul il-ħajja. Nazzarda ngħid li l-Lifelong Learning sar stil ta’ ħajja. Ejja ngħallmu lill-membri tal-komunitajiet tagħna li permezz tat-tagħlim itejbu l-kwalita’ tal-ħajja u l-livell tal-għixien tagħhom.
F’idejkom biex tagħmlu dan. Lilna se ssibuna magħkom. Għalhekk illejla qiegħdin hawn.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990