TKOMPLIJA TA’ AKTAR PROĠETTI F’GĦAWDEX KOFINANZJATI MILL-UNJONI EWROPEA
Għada t-Tlieta, l-1 ta’ Ġunju se jingħata bidu għall-bini mill-ġdid tat-Triq tax-Xlendi, proġett li ser jitwettaq f’Għawdex permezz ta’ kofinanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali taħt il-Politika ta’ Koeżjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2007 – 2013.
Il-bini mill-ġdid ta’ din it-triq jifforma parti minn proġett akbar li jinkorpora wkoll il-bini tat-triq li tagħti għas-Santwarju ta’ Pinu, liema triq beda x-xogħol fuqha f’Diċembru li għadda u li hi mistennija tkun lesta fil-ġimgħat li ġejjin. Dan il-proġett se jkun ifisser il-bini mill-ġdid ta’ 2.5 kilometri ta’ toroq, li huwa stmat madwar €9.5 miljun.
L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jtejjeb il-kwalità tat-toroq u l-aċċessibilità lejn dawn iż-żewġ attrazzjonijiet turistiċi ewlenin f’Għawdex, għall-benefiċċju kemm tar-residenti Għawdxin kif ukoll tat-turisti li jżuru din il-gżira.
Ix-xogħlijiet se jinkludu l-bini mill-ġdid tat-triq, bini ta’ ħitan tas-sejjieħ, installazzjonijiet ġodda tas-servizzi ta’ l-ilma u tad-drenaġġ kif ukoll tisħiħ fis-sistema ta’ l-elettriku. Ix-xogħol fuq din it-triq, dam ma beda minħabba t-tul ta’ żmien li ħa l-proċess tat-tendering, kif ukoll minħabba appell li kien sar fuq it-tender tax-xogħlijiet.
Il-Ministeru għal Għawdex qed jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jitnaqqsu l-inkonvenjenzi waqt li jkunu għaddejjin ix-xogħlijiet, sabiex jiġu ffaċilitati r-rotot alternattivi. It-traffiku lejn ix-Xlendi se jkun jista’ jgħaddi minn ġol-Munxar, lejn l-inħawi ta’ Ras il-Bajjada. Rotta alternattiva oħra għal dawk li jkunu telgħin mill-Imġarr u Għajnsielem, hija dik ta’ Xewkija, Ta’ Sannat, Ras il-Bajjada.
Dan il-proġett huwa 85% kofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali taħt il-Politika ta’ Koeżjoni ta' l-Unjoni Ewropea għal perjodu 2007 – 2013, u 15% minn fondi nazzjonali.
Dan huwa wieħed mill-bosta proġetti li ser jiġu ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea, bħala parti mill-10% ta’ fondi Ewropej li l-gvern ikkommetta għal Għawdex. F’dan ir-rigward il-Ministeru għal Għawdex ser ikompli jaħdem biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja fil-gżira Għawdxija. Il-ħidma infrastrutturali fuq din it-triq ser ikun ifisser li l-infrastruttura tat-toroq f’Għawdex se tkompli tiġi msaħħa permezz ta’ fondi li Malta kisbet permezz tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990