Left arrow Mur Lura

STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN

PR0993
Date Icon 28/05/2010

Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu illi għal darb’oħra, l-Istati Uniti tal-Amerika tul din il-ġimgħa taw l-opportunità lil 52 persuna li kisbu protezzjoni minn Malta sabiex jibdew ħajja ġdida bħala parti minn programm ta’ resettlement imħaddem bejn l-Istati Uniti u pajjiżna.

Il-Ministeru jirringrazzja lill-Gvern tal-Istati Uniti għad-determinazzjoni li wera fl-aħħar snin f’li jgħin lil Malta billi jtaffi mir-responsabilità tal-immigrazzjoni illegali fuq pajjiżna. Tabilħaqq, wieħed irid ifakkar li l-persuni li qed jittieħdu mill-Istati Uniti qed jingħataw dak kollu li għandhom bżonn sabiex ikunu jistgħu jintegraw ruħhom fl-Amerika, fosthom post fejn joqgħodu, edukazzjoni, kura medika u impjieg.

In-numru ta’ immigranti li ingħataw l-opportunità li jintegraw ruħhom fl-Istati Uniti b’dan il-mod fl-aħħar sentejn issa kważi jlaħħaq il-500. Riżultat bħal dan ma kienx ikun possibbli mingħajr ħidma mill-qrib bejn il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Ambaxxata tal-Istati Uniti, bil-koperazzjoni attiva ta’ numru ta’ għaqdiet non-governattivi.

Wieħed jawgura li aktar pajjiżi jimxu fuq il-passi tal-Istati Uniti u jagħtu l-appoġġ tagħhom lil Malta f’dan il-qasam. Għalhekk wieħed irid ifaħħar lill-iSlovenja li diversi drabi sostniet lil Malta, talli llum ħabbret uffiċċjalment illi ser tkun qed tieħu għaxar immigranti minn Malta taħt il-Proġett Pilota għar-Rilokazzjoni ta’ Persuni bi Protezzjoni Internazzjonali bejn Pajjiżi Membri tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa pass ieħor konkret ta’ solidarjetà li jimmerita sostenn u li għandu jiġi segwit minn pajjiżi oħra.

F’dan ir-rigward ukoll, il-Ministeru jilqa’ b’sodisfazzjon id-dikjarazzjonijiet reċenti tal-Kummissarja Ewropea għall-Intern, Cecilia Malmström li kemm waqt iż-żjara tagħha f’pajjiżna xahar ilu, kif ukoll ġewwa Varsavja fil-25 ta’ Mejju 2010 impenjat ruħha li ssaħħaħ dan il-Proġett Pilota u tiġbor iktar appoġġ għalih.

Huwa ċar li dan il-pajjiż fiċ-ċentru tal-Mediterran għandu fuqu responsabilitajiet kbar u qiegħed jieħu fuq spalltu piżijiet finanzjarji f’kuntest ta’ problemi li huma Ewropej. Is-solidarjetà ma pajjiżna mill-Istati Uniti u s-Slovenja hija turija konkreta ta’ kif wieħed għandu jaffronta sitwazzjoni umanitarja bħal din li hemm bżonn li tkompli tiġi sostnuta minn pajjiżi oħra fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow