IL-CORE GROUP JIDDISKUTI L-PROGRAMM TA’ ĦIDMA TAL-KUMMISSJONI EWROPEA GĦALL-2010
Il-Core Group tal-MEUSAC illum iddiskuta l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għal din is-sena. Dan il-programm, bit-titlu ‘Żmien li tittieħed azzjoni’, ipoġġi fil-prattika l-prioritajiet tal-linji gwida elenkati mill-President Barroso f’Settembru 2009.
Fil-preżentazzjoni tiegħu, Joseph Fenech, Direttur għall-Affarijiet tal-UE fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, qal li l-Kummissjoni Ewropea hi tal-fehma li minkejja l-kriżi ekonomika, din is-sena l-Ewropa dieħla f’era ġdida u għaldaqstant, l-inizjattivi mniżżla f’dan il-programm jindirizzaw l-isfidi li ġejjin:
· It-twettiq tal-Istrateġija Ewropa 2020 bit-tfassil tal-bażi għall-ħruġ mill-kriżi ekonomika, tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol;
· Il-bini ta’ aġenda taċ-ċittadini li tpoġġi d-drittijiet u s-sigurtà tagħhom fil-qalba tal-azzjoni Ewropea;
· L-iżvilupp ta’ aġenda esterna ambizzjuża u koerenti b’firxa globali; u
· L-immodernizzar tal-istrumenti u l-metodi ta’ ħidma tal-UE.
Joseph Fenech spjega kif kull waħda minn dawn l-isfidi tiġbor fiha numru ta’ azzjonijiet konkreti li jindirizzawhom. Uħud minn dawn l-azzjonijiet huma: it-tisħiħ tal-governanza fiz-zona ewro, l-immodernizzar tal-istrumenti tal-UE, aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda, Ewropa li tagħmel użu effiċjenti tar-riżorsi, aġenda diġitali għall-Ewropa u politika industrijali b’saħħitha u sostenibbli fl-era globalizzata.
F’din il-laqgħa, id-Direttur għall-Affarijiet tal-UE fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li hu pożittiv li l-inizjattivi li jittieħdu fuq livell Ewropew ikunu proporzjonati fl-ambitu u n-natura tagħhom, iktar u iktar fir-rigward ta’ pajjiżi żgħar bħal Malta. Hu spjega li l-Gvern Malti huwa favur dan il-programm ta’ ħidma għaliex jagħti indikazzjoni tajba tal-ħidma li għandhom jiffukaw fuqha l-Istati Membri fix-xhur u s-snin li ġejjin.
Madankollu, il-Gvern Malti qiegħed jisħaq, kif dejjem jagħmel, li meta jiġu diskussi l-miżuri li jridu jittieħdu direttament mill-Istati Membri, is-sitwazzjonijiet speċifiċi u partikolari ta’ kull Stat Membru individwali għandhom ikunu kkunsidrati. Barra minn hekk il-Gvern qed iħeġġeġ diskussjoni bikrija fuq id-diversi proposti msemmija fil-programm bejn l-Istati Membri.
Xi punti li tqajmu mill-membri kienu dawn:
· Hu importanti li l-azzjonijiet indikati fil-programm iseħħu u jseħħu fil-waqt.
· Is-simplifikazzjoni m’għandhiex tkun biss fl-istrumenti Ewropej imma wkoll fejn tidħol burokrazija fuq livell lokali biex din titnaqqas fejn meħtieġ u tiżdied il-kordinazzjoni bejn partijiet differenti involuti fl-istess proċessi.
· Għandu jinżamm bilanċ f’inizjattivi soċjali li jistgħu joħolqu piżijiet żejda fuq l-industrija fil-kuntest dinji tal-UE fejn pajjiżi terzi mhumiex avvanzati daqs l-Istati Membri fejn jidħlu d-drittijiet tal-ħaddiema, l-aġenda soċjali u l-iżvilupp sostenibbli.
· Is-servizz estern tal-UE jagħti l-vantaġġ lil Malta tkun rappreżentata fil-pajjiżi terzi barra mill-UE.
· Kif nistgħu inpattu għall-iżvantaġġ insulari ta’ Malta bil-ħolqien ta’ għaqda ta’ pajjiżi mir-reġjun tal-Mediterran u ta’ strateġija għall-gżejjer biex tiġi indirizzata d-diversità bejn l-Istati Membri.
· Il-kontroll ikbar li għandu jkun hemm fuq l-infiq żejjed ta’ xi Stati Membri.
Preżenti għal-laqgħa tal-Core Group, ippreseduta minn Chris Said, is-Segretarju Parlamentari għall-Konsumaturi, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, kien hemm: Vanni Xuereb (Kap tal-MEUSAC), Sylvia Gauci (Segretarju Eżekuttiv, MCESD), Sarah Gay (Segretarjat UE fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru), Arthur Rossi (CMTU), Paul Abela (GRTU), Kevin Borg u Joe Tanti (MCCEI), Paul De Battista (Malta Employers’ Association), Jesmond Bonello (UĦM), Joe Mifsud (PL), Francis Zammit Dimech (PN), Carmel Cacopardo (AD), Josette Grech, Benjamin Rizzo u Gino Schiavone (rappreżentanti tas-soċjetà ċivili), Diane Farrugia (Segretarju), kif ukoll xi membri sostituti u membri tal-istaff tal-MEUSAC.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990