Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR JASON AZZOPARDI, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAL NEGOZJI ŻGĦAR U ARTIJIET, GĦALL-FTUĦ TAL-KONFERENZA DWAR L-ARTIĠJANAT MALTI: L-INNOVAZZJONI FIS-SETTUR TAL-ARTIĠJANAT MALTI - INVESTIMENT GĦAS-SUĊĊESS – SLIEMA – I

PR0989
Date Icon 28/05/2010

L-Artiġjanat jifforma parti integrali mill-wirt nazzjonali u mill-identita’ storika tagħna. Sa minn żmien il-qedem il-Maltin kienu prolifiċi fis-snajja’ hekk msejjħa tradizzjonali li evidenza tagħhom insibuha mferrxa fil-Mużewijiet, Knejjes u anke kollezjonijiet privati. Wieħed ma jistax ma jsemmix ix-xogħol tal-ġebla, il-fuħħar u l-insiġ kif ukoll xogħol tal-injam ħġieġ, bizzilla u filugranu bħal eżempji li għadhom magħna sal-llum.

Il-preġju tal-artiġjanat huwa d-dettall u l-persentaġġ għoli ta’ xogħol metikuluż bl-idejn. Dan ovvjament jieħu l-ħin biex isir u jaf jikkontribwixxi biex l-ispejjeż jogħlew u bħala konsegwenza jogħla l-prezz. Dan il-fattur jaf ikun ta’ deterrent meta l-prodott oriġinali artiġjanali ikollu jħabbata fis-suq ma’ xogħol li mhux maħdum bl-idejn jew xogħol li huwa addirettura falz - jiġifieri li jagħti l-impressjoni li huwa xogħol artiġjanali meta fil-fatt mhuwiex.

Din hija r-realta’ li qed ngħixu fiha illum. Hawnhekk nistgħu nieħdu żewġ rotot: Jew naqtgħu qalbna u nċedu l-armi jew inkella ngħamlu l-almu tagħna biex dak li ħolqu missirijietna jkun jista’ jiġi gawdut minn uliedna u billi wkoll nipprovdu ambjent fejn ix-xogħol artiġjanali jkun inkoraġġit. Tajjeb allura f’konferenza bħal din wieħed jelenka x’qed isir f’dan ir-rigward.

F’dik li hija edukazzjoni l-gvern żgur mhux qed jogħqod lura. Wieħed irid biss iżur l-istitut tal-MCAST tal-Arti u d-Disinn il-Mosta u ċ-Ċentru Wistin Camilleri għall-Arti u l-Artiġjanat f’Għawdex biex josserva n-numru tal-korsijiet varji li qed jiġu offruti u li qed jiġu mgħallma b’tant dedikazzjoni minn għalliema professjonali b’għodda tradizzjonali u moderni. U hawnhekk nsellem lill-kapijiet ta’ dawn iż-żewġ ċentri, is-Sur Stephen Vella u s-Sur Joseph Attard, li anke qegħdin magħna llum u se jaqssmu magħna l-esperjenzi tagħhom fuq dan is-suġġett.

Pero’ mhuwiex biżżejjed li wieħed jitħareġġ fil-mistier tiegħu. Fl-aħħar mill-aħħar wieħed irid jara li l-prodott tiegħu jinbiegħ. Id-Dipartiment tal-Kummerċ li jaqa’ taħt ir-responsabbilta’ tiegħi fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment is-sena li għaddiet u din is-sena għen artiġjana biex jipparteċipaw f’mhux inqas minn 19-il fiera f’Malta; u hawnhekk ma nistax ma nsemmiex il-Fiera Kbira tal-Artiġjanat li se ssir b’kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera fil-Ġnien Romeo Romano, li se tibda għada s-Sibt filgħaxija u tkompli l-Ħadd il-ġurnata kollha. Barra minnhekk tqassmu ukoll mal-100,000 ċertifikat b’xejn li l-artiġjana jistgħu jwaħħlu mal-prodotti tagħhom. Dawn huma numerati biex jindikaw il-ġenwinita’ tal-prodott.

Dan li għadna kemm semmejna huma inizjattivi tajbin, iżda b’din il-konferenza il-Gvern irid jenfasizza l-importanza tal-marketing u l-innovazzjoni anki f’dan is-settur. Il-fatt li l-prodott ikun tradizzjonali ma jfissirx li jrid ikun dejjem preżentat l-istess, jew agħar, li jkun preżentat b’mod mhux atraenti u professjonali. L-anqas ma jfisser li ma nistgħux insibu xi użi ġodda għal artiġjanat Malti. Biex jgħin f’dan ir-rigward, sal-aħħar ta’ din is-sena, il-Gvern se jkun qed iniedi erba’ proġetti.

1.   Sensiela ta’ laqgħat ikkoordinati mid-Dipartiment tal-Kummerċ fejn jinagħtaw pariri fuq marketing, packaging, innovazzjoni u protezzjoni ta’ propjeta’ intelletwali.

2.   Portal tal-artiġjanat fejn l-Artiġjana jkunu jistgħu jirreklamaw u jbiegħu l-prodotti tagħhom.

3.   ‘Ġieħ l-Artiġjanat’ fejn Artiġjana jkunu premjati għall-inizjattiva tagħhom b’fondi li jridu jintużaw għall-marketing tal-prodott.

4.   L-ewwel survey xjentifiku fuq aspetti soċjo-ekonomiċi tal-Artiġjanat Malti.

Ngħalaq billi nawguralkom kull suċess għal dan l-avveniment u anki fil-ħidma f’dan il-mistier li tant hu għal qalbkom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow