Left arrow Mur Lura

IL-KUNSILL LOKALI TAŻ-ŻURRIEQ JISTA’ JIFFRANKA SA 5,400 UNIT TAD-DAWL ELETTRIKU FIS-SENA

PR0982
Date Icon 27/05/2010

Permezz ta’ żewg sistemi li jiġġeneraw enerġija alternattiva, il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq se jkun kapaċi jiffranka sa 5,400 unit tad-dawl elettriku. Bir-rati attwali dan ifisser li l-Kunsill Lokali se jiffranka sa €1,080 fis-sena. Barra minn hekk hu stmat li l-Kunsill Lokali se jnaqqas l-emissjonijiet fl-arja bi 2.6 tunnellati ta’ CO2 fis-sena.

Iż-żewġ sistemi li twaħħlu jinkludu 11-il pannella foto-voltaika biex jiġġeneraw l-elettriku u solar water heater biex isaħħan l-ilma. Dawn twaħħlu fuq iċ-Ċentru tal-Komunita’ fi Triq Pietru Pawl Saydon fiż-Żurrieq li hu l-bini amministrattiv tal-Kunsill Lokali.

Is-sistemi kienu finanzjati permezz ta’ €7,669 li l-Kunsill Lokali rċieva mingħand is-Segretarjat Parlamentari responsabbli għall-Kunsilli Lokali permezz tal-Iskema għall-Enerġija Alternattiva.

Grazzi għal din l-iskema, il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq mhux se jkun ħareġ flus biex xtara u nstalla s-sistema. Hu stmat li l-investiment li sar se jkun irkuprat fuq massimu ta’ 10 snin.

Id-dettalji ngħataw waqt żjara fil-lokalita’ li s-Segretarju Parlamentari għall-Konsumaturi, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, l-Onor. Chris Said għamel fil-Kunsill Lokali taż-Żurrieq. Hu kien akkumpanjat mill-Assistent Parlamentari fl-Uffiċju tal-Prim Ministru, Franco Debono. Huma intlaqgħu mis-Sindku Silvio Izzi Savona u mill-kunsilliera tal-lokalita’.

Chris Said faħħar l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li jinvesti f’dawn is-sistemi għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija alternattiva billi juża l-iskema ta’ finanzjament li nieda l-Gvern. Hu sostna wkoll li b’dan il-mod il-Kunsill Lokali qed iservi bħala eżempju lill-bqija tal-komunita’ għaliex hekk qed iħajjar lir-residenti li jirrappreżenta, biex anki huma jinvestu f’sistemi li permezz tagħhom jaħlu anqas elettriku.

F’dawn is-sentejn il-Gvern Malti se jkun ta madwar €615,000 f’inċentivi biex Kunsilli Lokali jipproduċu huma stess enerġija alternattiva u b’hekk jikkunsmaw anqas elettriku ġenerata minn sorsi tradizzjonali.

Il-flus iridu jintużaw biex isiru proġetti li jinvolvu l-installazzjoni ta’ pannelli foto-voltaiċi jew solar water heaters fuq il-bini u l-uffiċji tal-Kunsilli Lokali kif ukoll f’postijiet u spazji pubbliċi bhal day centres, ġonna, swar u pjazez li jkunu amministrati minnhom. 

L-iskema hi maħsuba biex tħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali jinvestu f’sistemi li permezz tagħhom tgawdi l-komunita’ kollha.

Għal din l-iskema, din is-sena 48 Kunsill Lokali issottomettew 63 applikazzjoni biex bejniethom jaqsmu madwar €300,000. Fl-2009, 44 Kunsill Lokali ħadu bejniethom €315,000.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jgħin Kunsilli Lokali jinvestu f’sistemi ta’ enerġija alternattiva u qal li l-pass li jmiss hu li sistemi ta’ pannelli foto-voltaiċi ikunu stallati biex jiġġeneraw elettriku sabiex jinxtegħlu spazji pubbliċi.

Fost il-Kunsilli Lokali li diġa użaw l-iskema u stallaw sistemi ta’ enerġija alternattiva hemm dawk ta’ San Ġwann u l-Qrendi.

Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann investa f’sistema li fiha 30 pannella u li bejniethom se jkunu jistgħu jipproduċu madwar 9,000 siegħa ta’ enerġija nadifa fis-sena. Il-Kunsill Lokali bħalissa jikkonsma 6,000 siegha ta’ elettriku u ghaldaqstant se jkun f’pozizzjoni li jbiegh 3,000 siegha ta’ elettriku lill-Enemalta.  Barra minn hekk hu stmat li grazzi ghal din is-sistema, it-tniggiz fl-arja kawzat mis-CO2 generat mill-Kunsill Lokali, se jonqos bi tmien tunellati.

Il-Kunsill Lokali tal-Qrendi xtara sistema b’10 pannelli foto-voltaiċi li bħal dik taż-Żurrieq tiġġenera madwar 3,000 unit tad-dawl fis-sena u se jkun qed inaqqas żewg tunnellati u nofs ta’ CO2 fis-sena.

Intant fiż-Żurrieq, is-Segretarju Parlamentari Chris Said inawgura wkoll Librerija Pubblika li kienet rinovata riċentement bl-għajnuna tal-Malta Branch Libraries u bl-għajnuna finanzjarja tas-Segretarjat Parlamentari għall-Konsumaturi, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika. Chris Said u Franco Debono żaru wkoll wirja ta’ ritratti bit-tema ‘Iż-Żurrieq fl-imgħoddi u fil-preżent’ li qed tittella’ fil-Mitħna tax-Xarolla.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow