STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ
L-Oppożizzjoni tattakka anki ż-żieda ta’ servizzi tas-saħħa b’xejn
Il-Gvern qed jieħu aktar inizjattivi biex il-pazjenti li jkollhom bżonn, jingħataw aktar kura b’xejn f’pajjiżna.
Għaldaqstant il-Gvern laħaq ftehim ma’ sptar privat biex il-konsulenti fl-Isptar Mater Dei u l-Isptar Boffa jkunu jistgħu jordnaw aktar eżamijiet mediċi speċjalizzati fuq il-pazjenti tagħhom billi l-pazjenti jagħmlu PET Scan b’xejn. Dan se jsir sakemm fl-Isptar Mater Dei tiġi stallata PET Scan, li l-proċess għaliha diġà beda.
L-Oppożizzjoni flok tfaħħar din l-inizjattiva fil-qasam tas-saħħa qed tipprova tara kif tagħmel biex toskuraha. Il-politika partiġġjana tal-Oppożizzjoni ma tissarrafx f’ġid għall-pazjenti.
L-eżami mediku tal-PET Scan b’xejn jingħaqad ma’ servizzi oħra ġodda li bdew jingħataw fosthom l-iscreening li qed isir fuq in-nisa għall-kanċer tas-sider, l-għoti tal-mediċina Herceptin, is-servizz ġdid li permezz tiegħu t-tobba tal-familja jistgħu jordnaw testijiet għall-kanċer tal-prostata, iż-żieda fit-tqassim ta’ mediċini b’xejn u ż-żieda fl-operazzjonijiet li s-sena li għaddiet laħqu 39,000.
Bħalma kien għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat, il-kelliem dwar is-saħħa Dr Michael Farrugia qiegħed jgħawweġ dak li qal l-Awditur Ġenerali. F’paġna 158, l-Awditur Ġenerali kiteb li “the National Audit Office was not in a position to correlate the loaning out of medical equipment with waiting lists at Mater Dei Hospital and to determine the relevance and effect, if any, that the loaning out of medical equipment by Mater Dei Hospital has.” Kif diġà ġie spejgat fi stqarrija maħruġa fl-24 ta’ Jannar 2010, fejn ġew miċħuda l-allegazzjonijiet tal-Oppożizzjoni, dan l-arranġament ta’ self ta’ apparat bejn il-Gvern u l-isptarijiet privati jsir fl-interess tal-pazjenti stess, indipendentament fejn tkun qed tingħata kura lill-pazjenti u li dan l-arranġament m’affetwax l-operat ta’ Mater Dei.
Il-Ministeru jinnota li l-Oppożizzjoni bl-istqarrija tagħha għamlet attakk partiġġjan fuq is-servizzi tas-saħħa li joffri l-Gvern permezz ta’ ħaddiema dedikati, u reġgħet għawwġet dak li qal l-Awditur Ġenerali biex tattakka l-kura li tingħata mill-privat.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990