IL-QORTI TNAQQAS 6.5% FIL-KONSUM TAL-ELETTRIKU B’INIZJATTIVI FAVUR L-AMBJENT
Fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, l-Amministrazzjoni tal-Qrati ffrankat mal-€1,700 fl-ispejjeż tal-konsum ta’ dawl fil-Qrati tal-Ġustizzja fil-Belt Valletta, wara li fl-aħħar snin ħadet u wettqet bosta inizjattivi favur l-ambjent.
Waqt żjara fil-Qorti li matulha spejga wħud mill-miżuri li wasslu għal dan ir-riżultat, il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, l-Onor. Carm Mifsud Bonnici faħħar lid-Diviżjoni tal-Qrati talli kienet minn ta’ quddiem biex tagħmel l-operat tagħha aktar nadif u effiċjenti.
L-aħħar fost dawn l-inizjattivi kienet l-installazzjoni ta’ numru ta’ photovoltaic panels fuq il-bejt tal-bini tal-Qorti sabiex jibda jiġi ġġenerat l-elettriku. It-tagħmir sewa €46,707 u jiġġenera massimu ta’ 15kW/h. Dan il-proġett huwa msejjes fuq il-politika tal-Gvern fejn proġetti ta’ żvilupp infrastrutturali jużaw enerġija alternattiva mir-riħ u mix-xemx u dan fil-kwadru tal-pjan nazzjonali għall-enerġija.
Minbarra it-twaħħil tal-PV panels, tul is-sena li għaddiet, id-Diviżjoni żarmat is-sistema ta’ chillers fl-awli, li kienet ilha titħaddem 40 sena. Din kienet qed taħli l-elettriku u tikkonsma ammont sostanzjali ta’ diesel li issa m’għadux jinxtara. Kull awla issa hija mgħammra b’arja kondizzjonata separata minn sistema ċentrali.
Barraminhekk, il-bini tas-sular amministrattiv tal-Qorti ġie mgħammar b’energy saving fittings u sistema ta’ arja kondizzjonata moderna li hija ferm ekonomika. Twaħħlu wkoll solar tubes li permezz tagħhom id-dawl fil-kuridur f’dan is-sular ġej mix-xemx. Huwa maħsub ukoll li estensjoni li se ssir fir-raba’ sular se tkun mgħammra wkoll b’dawn is-solar tubes.
Sar ukoll xogħol ta’ restawr fuq il-ġiebja li kien hemm taħt il-bini tal-Qorti għall-ilma tax-xita. Din issa qed qed terġa’ tintuża biex tforni l-ilma lit-tankijiet tal-ilma ta’ fuq il-bejt tal-Qorti. Inbidlu wkoll it-twieqi tal-kuriduri li saru bi ħġieġ double glazed sabiex tiġi kkontrollata t-temperatura.
Dawn l-inizjattivi, u oħrajn, meħudin komplessivament, wasslu għal tnaqqis ta’ 6.5% fil-konsum tal-enerġija fil-bini tal-Qorti.
Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Mifsud Bonnici irrefera wkoll għall-volum kbir ta’ xogħol li twettaq mill-Qrati tal-Ġustizzja fl-aħħar snin, li wassal biex jitnaqqas il-backlog ta’ kawżi pendenti, speċjalment fil-kamp kriminali.
Hu semma li fil-Qorti tal-Maġistrati mis-sena 2006 ’l hawn ġew deċiżi mal-4,674 kumpilazzjoni u mal-2,478 kawża sommarja. Fil-Qorti tal-Familja fl-istess żmien ġew deċiżi 5,550 kawża kriminali. Inqatgħu ukoll 9,663 kawża fiskali u 8,567 kawża oħra mis-sezzjoni tat-traffiku. Ma’ dawn inqatgħu wkoll 22,198 kawża tad-distrett tul l-istess perijodu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990