L-ISLA PPREŻENTATA BIL-PREMJU EDEN
Għar-raba’ sena konsekuttiva l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu pparteċipat fil-proġett Destinazzjonijiet Ewropej ta’ Eċċellenza (EDEN). Dan hu proġett kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea, li kien żviluppat mill-Kummissjoni Ewropea bl-iskop li jioppromwovi mudelli ta’ żvilupp sostenibbli mal-Ewropa.
L-iskop ewlieni tal-Premju hu li tinġibed l-attenzjoni lejn il-valuri, diversità u fatturi komuni ta’ destinazzjonijiet turistiċi Ewropej. Permezz ta’ dan il-premju tikber il-viżibilità ta’ dawn id-destinazzjonijiet emerġenti u jinħoloq pjattaforma biex pajjiżi Ewropej jaqsmu bejniethom prattiċi tajbin. Tingħata importanza speċjali lil dawk id-destinazzjonijiet li huma inqas magħrufa u li jimmaniġġjaw l-industrja turistika tagħhom b’mod sostenibbli u fl-istess waqt jkabbru l-aspettti soċju-kulturali ambjentali u tradizzjonali.
Fl-aħħar erba’ snin il-lokalitajiet tan-Nadur u Sta Luċija (Kerċem) f’Għawdex u l-Mellieħa u l-Isla, f’Malta, kisbu dan il-premju. L-Isla qed tingħata l-premju bħala ”Id-Destinazzjoni EDEN għall-Offerta fit-Turiżmu Sostenibbli Akwatiku”. Fil-proġett ta’ din is-sena, li hu kofinanzjat għal 75% mill-Kummissjoni Ewropea, pparteċipaw 23 pajjiż Ewropew.
L-Onor Mario de Marco, Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura u l-Onor Chris Said, Segretarju Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Djalogu Pubbliku ppremjaw lill-Kunsill tal-Isla waqt ċerimonja pubblika li saret fil-Ġonna Gardjola l-Isla.
Is-Segretarju Parlamentari Mario de Marco tenna li “issa li ilna erba’ snin nieħdu sehem f’dan il-proġett EDEN, wasal iż-żmien li noħolqu networks għal-lokalitajiet li pparteċipaw. Nixtiequ noħolqu network bejn il-lokalitajiet rebbieħa biex b’hekk niddiskutu u naraw kif dawn jistgħu jużaw dan il-premju b’mod iktar effettiv. Nixtiequ noħolqu wkoll network skont it-tema ta’ kull sena bejn il-lokalitajiet kollha li kienu applikaw dwar dik it-tema partikolari. F’dan il-każ il-għan ikun li niskopru x’possibilitajiet ta’ koperazzjoni u inizjattivi hemm,” qal Mario de Marco li żied li kien ta’ benefiċċju għal kull lokalità li tagħraf l-identità tagħha u saħħaħha sabiex tkun f’qagħda li tiddiversifika minn lokalitajiet oħrajn u tkun anki tista’ tieħu vantaġġ kompetittiv fit-turiżmu.
Is-Segretarju Parlamentari Mario de Marco sostna li d-destinazzjonijiet EDEN huma eżempju tajjeb ta’ diversifikazzjoni fit-turżmu u għandhom jiġu meqjusa bħala destinazzjonijiet ġenwini u li jħaddmu t-turiżmu sostenibbli – li jħalli benefiċċju kemm għan-nies tal-lokalità kif ukoll esperjenza pożittiva għat-turisti li jżuruhom.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li l-Gvern qed jaħdem fuq il-prinċipju li kull lokalita’ għandha x’toffri għall-prodott turistiku Malti. Għalhekk qed isir sforz biex tingħata l-għajnuna lil-lokalitajiet sabiex joħorġu dan il-potenzjal.
Dan qed isir permezz ta’ diversi skemi ta’ għajnuna fosthom il-Fond għal-Lokalitajiet Sostenibbli li tnieda fil-jiem li għaddew. Permezz ta’ dan il-fond il-Gvern se jkun qed jgħin numru ta’ Kunsilli Lokali jfasslu pjan ta’ ħidma fit-tul li jindirizza sfidi fl-oqsma ambjentali, ekonomiċi u soċjali tal-komunitajiet rispettivi tagħhom. Il-fond jammonta għal 160,000 ewro.
Skemi oħra ta’ għajnuna jinkludu l-Fond għar-Restawr ta’ Postijiet Storiċi u l-Iskema ta’ Finanzjament għall-Attivitajiet Kulturali. Skemi oħra huma finanzjati permezz ta’ fondi Ewropej. Il-Fond għat-Titjib ta’ Ċentri Urbani jammonta għal żewg miljun ewro filwaqt li l-Fond għat-Titjib taz-Zoni Rurali taħt il-programm Leader+ jammonta għal erba’ miljun ewro.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990