Left arrow Go Back

INVESTIMENT ĠDID MILL-PRIVAT FIL-MARINA TAL-IMĠARR GĦAWDEX

PR0970
Date Icon 26/05/2010

Il-Marina tal-Imġarr Għawdex se tkun immodernizzata b’investiment mill-privat wara li kien iffirmat il-ftehim għall-konċessjoni ta’ din il-Marina bejn il-Gvern u Harbour Management Limited. Dan il-ftehim kien iffirmat fil-preżenza tal-Ministru tal-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni Austin Gatt u l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech.

Il-Ministru Austin Gatt spjega kif il-privatizzazzjoni tal-Marina fl-Imġarr Għawdex hi riżultat ta’ proċess sħiħ li seħħ tul is-sena li għaddiet mill-Malta Maritime Authority, illum Transport Malta. Il-proċess kien jinvolvi studji dettaljati tal-marinas kollha eżistenti u oħrajn li jistgħu jkunu żviluppati. Wara l-istudji sar ukoll proċess ta’ konsultazzjoni. Dan jilħaq l-għan ewlieni tal-Gvern biex Malta sservi bħala ċentru ta’ eċċellenza fis-servizzi marittimi wkoll.

Austin Gatt spjega kif bħalissa qed jiġu konklużi wkoll il-ftehim dwar il-marina tal-Kalkara u dik tas-Salina. “Dan il-Gvern dejjem ingħata raġun u riżultati pożittivi meta wettaq privatizzazzjoni. Wieħed żgur jista’ jsemmi l-privatizzazzjoni tal-Freeport – suċċess li kieku l-Gvern baqa’ jżomm kontroll fuq l-operat żgur li ma kienx jilħqu.”

“Malta minn dejjem kienet b’saħħitha fis-settur marittimu anke bis-snajja’ li jħaddmu l-Maltin u għalhekk il-Gvern ma jistax jinjora dawn il-fatti. Il-Gvern mhux se jserraħ moħħu biss li se jżid in-numru ta’ irmiġġi madwar il-gżejjer iżda jrid jinvesti fit-taħriġ għal servizzi ta’ manutenzjoni, kif tasal il-provista tas-servizzi u aktar charters lokali. Fil-fatt il-Gvern diġà ipprovda l-infrastruttura fejn tista’ ssir il-manutenzjoni ta’ yatchs u super yatchs.

Il-politika ta’ dan il-Gvern dejjem kienet li jirregola s-setturi ewlenin ta’ pajjiżna iżda jħalli lis-settur privat imexxi għax il-Gvern m’għandux l-expertise biex imexxi ċerti oqsma. U fuq din il-politika dejjem ingħatajna raġun” temm jgħid il-Ministru Gatt.

Il-Ministru Tonio Fenech spjega kif din il-privatizzazzjoni, għandha sservi ta’ inċentiv għall-ekonomija lokali, speċjalment għas-settur tat-turiżmu hekk kif intrapriżi li huma stabbiliti u għandhom esperjenza sostanzjali f’dan is-settur jistgħu jagħtu valur miżjud li jwassal għat-titjib tal-istess marinas. Din it-trasformazzjoni hija parti mill-proċess li għandha twassalna biex noħolqu livelli ta’ eċċellenza, f’oqsma bħat-turiżmu, skont il-Viżjoni 2015.

Tonio Fenech spjega kif il-konċessjoni miftiehma bejn il-Gvern u l-kumpanija Harbour Management Limited (HML) tinkludi pagament bil-quddiem ta’ €513,00 kif ukoll ħlas lil Transport Malta ta’ concession fee annwali, bil-quddiem, ta’ €60,000 li tiżdied 10% kull ħames snin. Il-kirja totali għal 25 sena se tkun ta’ €1,831,530 jew EUR 1,371,179 meta maħduma skont in-net present value. HML se tkun responsabbli biex topera, tmexxi u tiżviluppa l-marina li fiha madwar 200 post għall-irmiġġ b’mod li tiżgura s-sostenibbiltà tagħha. Il-ftehim jistipula wkoll ħlas addizzjonali f’każ ta’ żieda fl-irmiġġi f’din il-marina.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow