TMIEN PJANI STRATEĠIĊI GĦAL-LOKALITAJIET SOSTENIBBLI FINANZJATI MILL-GVERN
Il-Gvern se jiffinanzja tmien Pjani Strateġiċi għal-Lokalitajiet Sostenibbli li se jitfasslu minn seba’ Kunsilli Lokali differenti; u minn konsorzju ta’ seba’ Kunsilli Lokali u Kulleġġ. Bejniethom dawn il-Kunsilli Lokali u l-Kulleġġ se jirċievu €160,000 biex ifasslu inizjattivi bil-għan li jtejbu l-lokalitajiet rispettivi tagħhom.
Il-linji gwida jistabilixxu li l-istudji li jsiru għandhom ikunu ħolistiċi b’tali mod li jindirizzaw l-isfidi demografiċi, ekonomiċi, soċjali u ambjentali li dawn il-komunitajiet qed iħabbtu wiċċhom magħhom. Dawn l-istudji, imfassla minn esperti wara konsultazzjoni mal-għaqdiet u r-residenti tal-lokalitajiet, eventwalment għandhom iservu bħala pjani mfassla fuq tlett snin li fuqhom il-Kunsilli Lokali jkunu jistgħu jimxu.
Il-pjani intgħażlu minn fost 22 proġett differenti li tressqu minn numru ta’ Kunsilli Lokali. L-evalwazzjoni tal-proġetti saret minn Bord li twaqqaf apposta. Il-proġetti li ntgħażlu jinkludu wieħed imressaq minn konsorzju magħmul minn seba’ Kunsilli Lokali (Birkirkara, Santa Venera, l-Imsida, Ta’ Xbiex, Ħal Lija, Ħal Balzan, u l-Iklin) bi sħab mal-Kulleġġ Santa Tereża.
Is-seba’ pjani l-oħra tressqu b’mod individwali mill-Kunsilli Lokali taż-Żejtun, Għajnsielem, l-Għarb, il-Kalkara, Ħal Kirkop, il-Mellieħa u r-Rabat f’Malta.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fiż-Żejtun, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said qal li l-Gvernijiet Lokali għandhom rwol edukattiv ewlieni fil-ħidma lejn żvilupp sostenibbli. Dan għaliex huma l-eqreb entitajiet amministrattivi u eżekuttivi għaċ-ċittadini.
Il-pjani strateġiċi għal żvilupp sostenibbli magħżula jvarjaw fin-natura u l-għan tagħhom, b’suġġerimenti u proposti differenti dwar l-użu tal-enerġija, l-ambjent, it-trasport, il-kultura, l-ekonomija, l-inklużjoni soċjali, il-konservazzjoni u r-riġenerazzjoni urbana, u l-immaniġġjar tal-iskart.
Chris Said temm jgħid li s-suċċess tal-kisbiet tal-Kunsilli Lokali għandhom jitkejlu min-numru ta’ inizjattivi pożittivi li jieħdu u mill-effett li dawn iħallu fuq il-kwalita’ tal-ħajja tar-residenti tagħhom.
Fl-2009 is-Segretarjat responsabbli mill-Kunsilli Lokali għen tliet Kunsilli Lokali permezz ta’ dan l-istess fond biex fasslu l-pjan strateġiku tagħhom. Dawn kienu l-Kunsilli Lokali ta’ San Lawrenz, il-Ħamrun u Ħad Dingli.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990