DISKORS MILLL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAZJONI TAL-INAWGURAZZJONI TAL-BLOKKA ‘PAPA GWANNI PAWLU II’ GEWWA SAN VINCENZ DE PAULE.
Nixtieq qabelxejn nirringrazzja u nifraħ lil Josef tal-animazzjoni tiegħu matul din iċ-ċerimonja. Għandek l-ammirazzjoni tagħna lkoll għax bil-kelmtejn tiegħek, għamilt enfasi fuq il-valuri marbuta maċ-ċerimonja tal-lum.
Konvint ukoll li ġgħelt lil kulħadd, kif ġara lili, jirrifletti fuq l-anzjani għeżież tagħna u nemmen li ġeddidt ħafna memorji sbieħ taċ-ċkunija u r-relazzjoni tagħna man-nanniet. Dan jixhed il-valur li nagħtu lill-anzjanità fis-soċjetà Maltija.
Illum m’aħniex biss qed niċċelebraw il-ftuħ ta’ dan il-blokk il-ġdid ġewwa r-residenza San Vinċenz de Paule. Qegħdin fuq kollox niċċelebraw u nagħtu ġieħ lill-anzjani tagħna u r-rwol li għandhom fis-soċjetà Maltija.
Huwa d-dmir ewlieni tagħna l-politiċi li nagħrfu li fil-mixja tal-ħajja hemm proċess magħmul minn fażijiet differenti li kollha jġibu magħhom kundizzjonijiet u bżonnijiet differenti.
Mit-tqala sat-tfulija, miż-żgħożija sal-istat ta’ adult u sal-anzjanità, is-sistema politika għandha d-dmir li tagħraf liema huma l-mezzi li bihom tiggarantixxi l-aqwa u l-aħjar servizz biex kulħadd jgħix l-aħjar kwalità ta’ ħajja possibbli u ħadd ma jaqa’ lura.
Dan hu li nfittxu li nagħmlu bil-politika tagħna favur it-tfal, iż-żgħażagħ, l-adulti u l-anzjani. Irridu li nkomplu niggarantixxu l-aħjar mod ta’ għixien anki skont il-fattur taż-żmien. Nagħmlu dan għax għalina, il-bniedem huwa fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Gvern u l-valur lejn il-ħajja hu prinċipju bażiku li fuqu tinbena l-politika tagħna.
Residenza bħal din bl-anzjani fiha m’għandniex inqisuha bħala bini iżda għandha tfakkarna fil-valuri li aħna nħaddnu kemm bħala poplu u nazzjon. Valuri ispirati mit-tagħlim soċjali tal-Knisja. Din il-binja l-ġdida hija msemmija għall-Papa Ġwanni Pawlu II, li lqajnieh f’pajjiżna tliet darbiet. Papa li ppersonifika l-valuri li aħna llum irridu niċċelebraw u nfakkru. Papa li kien aġent tal-bidla anke fl-anzjanità tiegħu u li hu stess kiteb fuq il-valur tal-anzjanità f’ittra indirizzata lill-anzjani fl-1999. F’din l-ittra hemm kwotazzjoni qawwija u mill-isbaħ li ġġegħilna nirriflettu fuq il-valur u s-sbuħija tal-ħajja. Il-Papa fl-ittra tiegħu jikteb – ‘is-snin jgħaddu malajr, iżda l-ħajja, minkejja l-isforzi u t-tbatija li ġġib magħha, hija prezzjuża u sabiħa wisq għalina biex xi darba nixbgħu minnha.’ Kwotazzjoni li ġġiegħel lil kulħadd, speċjalment lilna l-politiċi, biex inkomplu naħdmu favur il-ħajja fil-fażijiet u l-bżonnijiet kollha tagħha.
Bħala pajjiż għandna biex inkunu sodisfatti ferm b’dak kollu li rnexxielna nagħmlu fis-settur tal-anzjani. Dan li ksibna għamilnieh flimkien - Gvern, Knisja, għaqdiet mhux governattivi, voluntiera mal-għaqdiet, u l-familji. Għarafna nibnu ħidmietna u nwettqu l-impenn tagħna f’dan il-qasam fuq il-kultura tar-rispett, l-għaqda u l-għożża lejn l-anzjani tagħna fi ħdan il-familja Maltija. Ir-rispett lejn il-familja estiża f’pajjiżna u l-valuri marbuta magħha huma ta’ vantaġġ kbir biex aħna, tul is-snin, stajna nibnu sistema ta’ assistenza favur l-anzjani permezz ta’ strutturi pubbliċi.
Qegħdin kontinwament naġġornaw il-politika tagħna biex nagħtu l-aħjar lill-anzjani tagħna. Qed inkompli nagħtu servizzi li bihom l-anzjani jibqgħu fl-ambjent li jixirqilhom, fid-dar u fil-komunità li jgħixu fiha. Fil-ġimgħat li ġejjin se niftħu l-ewwel night shelter f’pajjiżna għall-anzjani li jkunu jridu jibqgħu d-dar tagħhom matul il-ġurnata iżda matul il-lejl imorru jorqdu f’post fejn ikun hemm aktar anzjani taħt l-istess saqaf.
Qed intejbu u nsaħħu l-istituzzjonijiet residenzjali għall-anzjani li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu waħedhom u għalhekk jidħlu f’dar tal-anzjani jew f’din ir-residenza.
Sinjuri,
Illum, b’dan il-blokk il-ġdid qed nagħmlu pass ieħor importanti. Kif spjega s-Segretarju Parlamentari Mario Galea din hi l-ewwel binja li nbniet apposta għall-anzjani li għandhom id-dimenzja. Is-Segretarju Parlamentari minbarra li ħadem fuq dan il-proġett u qed jaħdem fuq inizjattivi oħra fil-qasam tal-anzjani, daħħal dan l-iżvilupp ġdid għal pajjiżna, ta’ swali attrezzati għal persuni bid-dimenzja, għaliex il-politika tagħna mhix li nagħtu sodda u spazju lill-anzjani, iżda li ngħinuhom jgħixu l-ħajja tagħhom bl-aħjar mod li jistgħu. B’dak li għamilna f’dawn is-swali ġodda qed naċċertaw li s-saħħa fiżika u mentali ma jinfirdux minn xulxin, għaliex nafu sewwa li ma hemmx waħda mingħajr l-oħra. Dan jagħti dinjità akbar lill-anzjani tagħna.
F’isem il-Gvern u l-poplu Malti u Għawdxi, nixtieq nirringrazzja lill-infermiera, lit-tobba, social workers, carers u kull min jaħdem fis-settur tal-anzjani tax-xogħol siewi li qed jagħmlu mal-anzjani tagħna. Intom, bid-dedikazzjoni u s-sagrifiċċji tagħkom, qed tagħtu ġieħ lis-soċjetà Maltija u l-valuri li hija mibnija fuqhom. Qed tagħtu l-ħajja lill-valur tas-solidarjetà.
Il-Gvern huwa impenjat li, bis-saħħa tal-kisbiet kbar li għamilna sa issa u li jidhru kullimkien f’dan is-settur – kemm fis-servizzi fil-komunità u kemm fuq livell nazzjonali, ikompli jkabbar il-mentalità ta’ rispett lejn l-anzjani, bi dritt tagħhom u bi dmir tagħna lkoll lejhom.
Irridu nkomplu naħdmu biex l-anzjanità tkompli tkun apprezzata għal dak li hi, għall-minjiera ta’ għerf u esperjenza li toffri, għas-sens ta’ tkomplija u kontinwità li tagħtina u li mingħajru nissograw li nitilfu kull sens ta’ direzzjoni. Għalhekk irridu nkomplu nibnu din il-kultura ta’ rispett u ta’ apprezzament lejn l-anzjani ta’ pajjiżna li bix-xogħol tagħhom tul is-snin qegħdin illum ingawdu l-frott tas-sagrifiċċji tagħhom.
Sinjuri,
Pajjiżna għandu ħafna biex ikun kburi f’numru ta’ oqsma. L-istorja tagħna, storja ta’ pajjiż ċkejken, hi storja ta’ suċċess, mertu li ħdimnieh matul iż-żmien bix-xogħol u l-kontribut ta’ kulħadd speċjalment tal-anzjani tagħna.
Kien u għadu d-dmir tagħna lkoll niggarantixxu anzjanità kalma, serena, ibbażata fuq il-valuri u l-ħajja tal-familja Maltija.
Dan il-Gvern huwa kommess li bl-akbar importanza u bl-aqwa konvinzjoni jkompli jkattar il-fiduċja tiegħu fl-anzjani, is-sens ta’ gratitudni lejhom, u l-impenn favur kull benefiċċju li hu possibbli u li huma jistħoqqu.
Il-qasam tal-anzjani hu wieħed mill-aktar importanti fil-proġett politiku tagħna kollu, flimkien max-xogħol, l-edukazzjoni, l-ambjent u s-saħħa. Aħna kommessi li nkomplu f’din id-direzzjoni biex inkomplu nipprovdu l-aħjar ambjent ekonomiku għall-anzjani li jridu jkomplu jaħdmu u l-aħjar faċilitajiet u servizz li l-anzjani jimmeritaw.
Lill-anzjani kollha, f’isem il-Gvern u l-poplu Malti u Għawdxi, ngħidilkom grazzi ta’ kulma għamiltu u qed tagħmlu biex wassaltu lilna ta’ warajkom sal-punt li ninsabu fih illum.
Grazzi.
....../PDF BLOKKA GWANNI PAWLU II
DOI – 23.05.2010
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990