DISKORS MILL-ONOR MARIO GALEA, SEGRETARJU PARLAMENTARI TAL-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA' FL-OKKAZJONI TAL-INAWGURAZZJONI TAL-BLOKKA GDIDA 'GWANNI PAWLU II' FIR-RESIDENZA SAN VINCENZ DE PAULE
Onorevoli Prim Ministru,
Ministri,
Segretarji Parlamentari,
Aġent Kap tal-Oppożizzjoni,
President Emeritus,
Membri Parlamentari,
Sinjuri Mistednin
Dalgħodu nġbarna hawn biex ninawguraw din il-Blokka ġdida Ġwanni Pawlu II. Din il-Blokka kompliet biddlet lil din ir-Residenza. Hawnhekk irrid nirrikonoxxi x-xogħol u l-proġetti l-oħra li saru fi żmien il-predeċessuri tiegħi. Irrid ngħid li lkoll kemm huma, jiġifieri Prof Rizzo Naudi, Dr Mifsud Bonnici, Dr Agius u Helen D’Amato, ilkoll għamlu proġetti simili f’postijiet oħra u kienu strumentali biex bidlu lil San Vinċenz kif nafuh illum.
Ħalli nerġa’ niġi għal din il-Blokka li se ninawguraw illum. Hawnhekk kien hawn bini antik, mudlam u mingħajr ebda kumdità ta’ xejn. Dawn kienu swali ngħidilhom jien ta’ żmien ‘l-Ingieret’ li kienu jbeżżgħu u jwerwru lil min kien se jqatta’ l-aħħar żmien ta’ ħajtu ġo fihom. Illum, din il-Blokka li se ninawguraw fiha swali ġodda u moderni. Ilkoll air-conditioned u bil-kumditajiet kollha meħtieġa.
Veru huwa l-każ li qabel in-nies kienu jibku meta jiġu biex jidħlu hawn u għal kuntrarju, illum għandna numru ta’ anzjani ħerqana biex jidħlu f’San Vinċenz.
Il-bidla f’dan il-post ma saritx b’kumbinazzjoni. Imma hija riżultat tat-twemmin politiku tal-Gvern preżenti li verament ipoġġi l-bniedem, l-ewwel u qabel kollox. Fejn jidħlu l-anzjani jew dawk fil-bżonn, il-Gvern ma jibqax lura biex jagħmel l-investiment meħtieġ.
Din il-Blokka lestejnieha f’sena. Fil-bidu ta’ din il-leġislatura konna ġejna hawn u sibna soqfa mdendlin li riedu jinbidlu. Ħitan se jaqgħu. Insomma l-post kien mitluq. Konna determinati li din il-Blokka nlestuha u nlestuha fi żmien qasir. Dan minħabba d-domanda
għas-sodod f’San Vinċenz li kienet dejjem qed tikber. Jien u team mis-Segretarjat tiegħi konna niġu hawn kważi kuljum biex nikkoordinaw ix-xogħol. Konna deċiżi li din il-Blokka f’sena trid tkun lesta u tilqa’ l-ewwel pazjenti. Il-wegħda tagħna żammejnieha.
Fil-fatt, dan il-kumpless illum huwa lest minn kollox u diġà fih aktar minn 100 anzjan. Mhux possibbli minħabba l-ħin li nirringrazzja lista twila ta’ nies li ħadmu bla heda, imma grazzi mill-qalb lil tant u tant nies u ħaddiema li għenuna biex din il-ħolma ssir realtà. Nagħraf li verament kien diffiċli li din il-Blokka nlestuha fi żmien daqstant qasir.
La tidħlu biex taraw il-Blokka u l-faċilitajiet li fiha, m’għandix dubju li ħafna minnkom se jsaqsu “Imma possibbli li din tlestiet f’sena?”. Iżda bl-għajnuna t’Alla irnexxielna.
Fil-qosor, din il-Blokka ta’ 3 sulari fiha 4 swali b’total ta’ 144 sodda. Ma kull kamra hemm kamra tal-banju ensuite. Għall-ewwel darba f’Malta, ġibna u ħadna parir minn esperti mill-Iskozja u bnejna żewġ swali Dementia Friendly. Ħarriġna l-istaff li se jaħdmu f’dawn is-swali tad-dimensja. Ridna li mhux l-ambjent biss ikun differenti, imma anki li l-kura li qed nagħtu għad-dimensja tkun aġġornata mar-riċerka li qed issir barra minn Malta.
Ħadna wkoll diversi miżuri biex nibżgħu għall-ambjent u kemm jista’ jkun nikkonservaw l-enerġija. Kollox ma’ kollox minn dawn il-miżuri ambjentali li ħadna, se nkunu qed niffrankaw xejn anqas minn 64,000 elf ewro fis-sena minn din il-Blokka biss.
Ħbieb tiegħi rrid nagħlaq b’dan il-ħsieb. L-anzjani tagħna huma dawk li sawwru l-istorja ta’ pajjiżna. Huma r-rabta bejn il-bieraħ u llum.
Huma wkoll il-messaġġiera u l-għassiesa tal-valuri li għadhom jiddistingwuwna u jsawruna bħala poplu. Huma dawn il-valuri li jagħmluna dak li aħna llum: poplu ħawtiel, bieżel, bi twemmin u tradizzjonijiet reliġjużi mirfuda fil-fond, li llum huma l-karatteristiċi ewlenija ta’ din il-gżira. Gżira li għandha biss riżorsi umani. Iżda xorta waħda konna kapaċi nsalvaw minn tant assedji, gwerer u invażjonijiet biex illum aħna poplu ħieles, sovran u membru tal-Unjoni Ewropea.
Parti sew minn dan nafuh lill-anzjani tagħna li b’tant tbatija fasslu, pittru u bnew lil din il-gżira.
Dalgħodu, permezz ta’ din il-Blokka u l-faċilitajiet mill-aktar moderni li fiha, qed ngħidu grazzi lill-anzjani tagħna, li kienu l-ħaddiema tal-bieraħ u li min jaf kemm batew u kemm kellhom jaqtgħu bi snienhom.
Għalina, l-anzjani m’humiex piż. Imma tifsira ħajja ta’ dak kollu li jagħmilna Maltin.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990