TAHRIG SPECJALIZZAT GHAL SETTURI DIFFERENTI TAS-SOCJETA GHAWDXIJA
E-Councils, E-Biz u E-Tfal - tliet inizjattivi ta’ taħriġ għal setturi differenti tas-soċjeta’ Għawdxija, tniedew waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu f’Għawdex. Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċju tal-Prim Ministru Chris Said, mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi Jason Azzopardi u minn Ray Abela, Direttur Maniġerjali tal-kumpanija TCTC li toffri tagħlim fit-Teknoloġija tal-Informatika.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said saħaq li dawn it-tliet inizjattivi huma xhieda tar-rwol importanti li l-Kunsilli Lokali akkwistaw fil-komunitajiet li jservu. Dawn l-inizjattivi diġa jingħataw f’Malta b’suċċess u issa kienu estiżi għall-gżira Għawdxija.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet Chris Said sostna li ż-żidiet fl-allokazzjonijiet finanzjarji u fl-impjegati mal-Kunsilli Lokali ma jkunux jagħmlu sens jekk ma jingħatax it-taħriġ neċessarju biex dawn jakkwistaw u jsaħħu l-ħiliet amministrattivi tagħhom b’tali mod li jagħtu servizzi effiċjenti lil kull min jitlobhom.
Chris Said tkellem ukoll dwar l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja. Hu fisser il-ħtieġa li l-ħaddiem Malti jkompli jaġġorna l-ħiliet tiegħu u sostna li l-Gvern qed jidħol bi sħab mal-privat biex ikompli joħloq sistemi ta’ tagħlim u taħriġ addattati.
Chris Said irrefera wkoll għall-inizjattiva ġdida tal-Gozo Business Award. Dan il-premju se jservi bħala rikonoxximent għal dawk l-intrapriżi Għawdxin li jagħmlu minn kollox biex jisfruttaw bl-aħjar mod l-iskemi finanzjati bil-fondi tal-Unjoni Ewropea. Dan l-award se jkollu ħames kategoriji u se jippremja lill-intrapriżi fuq ħames kriterji differenti; l-iżvilupp sostenibbli, is-sostenibbilita’ fit-turiżmu, it-taħriġ tal-impjegati, il-ħolqien tax-xogħol u l-użu tal-enerġija. Ir-rebbieħa tal-kategoriji differenti se jingħataw b’madwar 40,000 ewro bejniethom biex jintużaw f’kampanji ta’ marketing għall-kumpaniji u l-prodotti tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari Jason Azzopardi qal li kulħadd jaqbel li fid-dinja tal-lum it-teknoloġija tal-informatika rrevoluzzjonat id-dinja tax-xogħol. L-istess japplika għan-Negozji ż-Żgħar li tajjeb li jibqgħu jinvestu fl-operat tagħhom biex iżommu l-kompettitivita, billi jżidu l-effiċjenza. Is-Segretarju Parlamentari saħaq li l-investiment fin-negozju mhuwiex biss esklussiv għal makkinarju u inġenji. L-investiment li huwa meħtieġ li jsir fin-negozji tagħna biex inżommu u ntejbu l-kompetittivita’ huwa ukoll investiment fit-taħriġ tar-riżorsa umana, billi nibqgħu nitgħallmu ħiliet ġodda li jtejbu l-operat tagħna. Dan iġib l-effiċjenza tant necessarja, li żżomm in-negozji tagħna kompetittivi biex jibqgħu jagħtu servizz u prodott aħjar lill-klijenti.
Jason Azzopardi qal li l-inizjattiva tal-lum tidħol tajjeb fl-attivitajiet tal-Ġimgha Ewropea iddedikata lill-SMEs li f’Malta ser tkun iċċelebrata il-ġimgha d-dieħla. Huwa qal li għal din l-okkażjoni, il-Gvern ser ikun qed iwassal informazzjoni utli lin-negozji żghar tagħna, dwar kif jistgħu jibbenefikaw minn fondi, inizjattivi u miżuri biex itejbu l-operat tagħhom permezz tal-investiment. Huwa qal li l-imprendituri ser ikunu jistgħu jġibu informazzjoni, fost l-oħrajn, dwar l-iskema imħabbra mill-Gvern fl-aħħar Budget, Microinvest, li tagħti lura skont fit-taxxa ta’ 40% tal-investiment li wieħed jagħmel fin-negozju tiegħu. Dan l-iskont għan-negozji Għawdxin huwa ta’ 60%. Din l-informazzjoni u iżjed, ser tkun qed titwassal direttament fiċ-ċentri kummerċjali tagħna madwar Malta u Għawdex.
Ray Abela, mit-TCTC, fisser ruħu kburi li qed joffri dawn il-korsijiet f’Għawdex u rringrazzja lill-Gvern tal-impenn li qed juri biex korsijiet bħal dawn ikunu offruti b’xejn u bil-kollaborazzjoni ta’ ħafna Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex.
Fost l-isponsors ewlenin ta’ dawn il-proġetti hemm l-HSBC, il-Maltapost, il-MITA, il-Vodafone, l-Airmalta u s-Segretarjat Parlamentari għal Negozji Zghar u Artijiet.
Informazzjoni dwar il-korsijiet
E-Councils hu kors speċjalizzat maħsub biex iħarreġ impjegati tal-Kunsilli Lokali jwettqu xogħlhom b’mod aktar effiċjenti u effettiv. Il-kors iħarreġ skrivani, kunsillieri, segretarji eżekuttivi u anki sindki f’ħiliet amministrattivi u maniġerjali.
E-Biz hu proġett ta’ tagħlim u taħriġ indirizzat għall-imprendituri żgħar u medji. Id-dinja tal-lum hi bbażata fuq il-kompjuter u hu mill-aktar importanti li l-imprenditur ikun jaf juża l-għodda tiegħu tajjeb.
E-Tfal qed jiġi offrut lit-tfal sabiex jgħinhom fis-suġġetti akkademiċi tagħhom bl-użu ta’ l-internet u software interattiv. Dan hu mibni fuq il-kunċett li t-tfal jitgħallmu waqt li jkunu qed jilagħbu. E-Tfal jingħata b’xejn lil tfal bejn il-ħamsa u l-għaxar snin, u l-korsijiet kollha se jkunu qed jingħataw fiċ-ċentru ta’ taħriġ li t-TCTC għandha fir-Rabat Għawdex. Il-materjal edukattiv kollu li se jitqassam kien approvat mid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990