Left arrow Mur Lura

INDIKATURI  TAL-IŻVILUPP  SOSTENIBBLI

PR0947
Date Icon 21/05/2010

Il-Kummissjoni Ewropea qed tniedi l-ewwel test tal-indikaturi fis-sostenibbiltà f’Destinazzjonijiet Ewropej ta’ Eċċellenza (EDEN).  Għal dan l-iskop ġew elenkati 80 qies miġbura f’20 indikatur ewlieni li minnhom jiġi mbagħad ikkalkulat kemm it-turiżmu f’pajjiż partikolari hu sostenibbli. Malta iparteċipat ukoll fil-proċess tal-identifikazzjoni tal-indikaturi.

Malta ġiet desinjata fl-ewwel stadju bħala “destinazzjoni” għal dan l-eżerċizzju. Il-Kummissjoni Ewropea kienet għażlet 20 destinazzjoni li reġgħet naqqset  biex ġew aċċettati u approvati 16-il belt. Dawn huma Kuldiga, fil-Latvija; Carlingford fl-Irlanda;  Durbuy fil-Belġju: Warta Mouth fil-Polonja; Bohemian Switzerland fir-Repubblika Ċeka; Pielachtal fl-Awstrija; Soco Valley u Solkavsko fis-Slovenja; Horezu Valley fir-Rumanija; Belitsa fil-Bulgarija; Florina fil-Greċja; Troodos u Agros f’Ċipru; Delta de l’Ebre fi Spanja; AMP Sinis f’Sardenja u Mellieħa f’Malta.

Meta nedew din l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea favur it-turiżmu sostenibbli tkellmu s-Segretarji Parlamentari Mario de Marco u Chris Said. Huma ħadu l-okkażjoni biex ferħu lil Robert Cutajar, Sindku tal-Mellieħa, lill-Kunsill Lokali tal-istess lokalità u lil dawk kollha li qegħdin jaħdmu biex il-Mellieħa tkompli issib postha fuq il-mappa turistika u tkompli tagħmel unur lill-pajjiżna.

Mario de Marco, Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura tenna li s-sostenibbiltà fit-turiżmu tfisser bilanċ bejn l-iżvilupp ekonomiku u l-miri soċjali, kulturali u ambjentali li rridu nilħqu biex niżguraw futur għal dan is-settur. “Fil-każ tagħna l-isfida hi ikbar minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna, li allura ma jħallilniex lok ta’ żbalji sew fejn jidħlu riżorsi soċjali u ambjentali kif ukoll f’dik li hi kompetittività. Dan iwassalna biex inġeddu dak li għandna. Biex nutilizzaw fejn nistgħu bini qadim u antik għal proġetti ġodda, biex nirrestawraw bini qadim li nagħmlu użu minnu minflok ma nħalluh mitluq u tiġrilu l-ħsara, billi nieħdu ħsieb tal-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna u nagħmluh iktar aċċessibli għal kulħadd mingħajr ma nagħmlulu ħsara,” qal is-Segratarju Parlamentari Mario de Marco li żied li fil-proċess biex ikollna settur turistiku iktar sostenibbli rridu nħarsu lejn kemm pajjiżna jiflaq li jilqa’ turisti għaliex filwaqt li f’Awwissu jista’ jkun li lħaqna l-massimu ta’ turisti li nistgħu nakkomodaw hemm numru ta’ xhur fejn nistgħu nilqgħu ħafna iktar turisti, biex hekk inżidu fin-numru mingħajr il-ħtieġa li  nżidu fl-akkomodozzjoni u servizzi oħra relatati mat-turiżmu.

Chris Said, Segretarju Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubbliku qal li l-Gvern qed jaħdem fuq il-prinċipju li kull lokalita’ għandha x’toffri għall-prodott turistiku Malti. Għalhekk qed isir sforz biex tingħata l-għajnuna lil-lokalitajiet sabiex joħorġu dan il-potenzjal. Dan qed isir permezz ta’ diversi skemi imfassla mill-Gvern Malti li jinkludu l-Fond għar-Restawr ta’ Postijiet Storiċi u l-Iskema ta’ Finanzjament għall-Attivitajiet Kulturali. Skemi oħra huma finanzjati permezz ta’ fondi Ewropej. Il-Fond għat-Titijib ta’ Ċentri Urbani jammonta għal żewg miljun ewro filwaqt li l-Fond għat-Titjib taz-Zoni Rurali taħt il-programm Leader+ jammonta għal erba’ miljun ewro.

Il-premju EDEN, li hu mmirat lejn ir-rikonoxximent  tal-ħidma li tkun qed titwettaq minn lokalitajiet madwar l-Ewropa għal turiżmu sostenibbli u mhux tradizzjonali  fl-aħħar erba’ snin intrebaħ minn Nadur u Santa Luċija (Kerċem) u mill-Mellieħa u l-Isla.

Fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jniedi l-Fond għal-Lokalitajiet Sostenibbli li permezz tiegħu jgħin Kunsilli Lokali jfasslu pjan fit-tul fuq is-sostenibbilta’ ambjentali, ekonomika u soċjali tal-komunitajiet rispiettivi tagħhom.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow