STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA
Il-Ministru Dolores Cristina tiċħad kategorikament l-allegazzjoni ta’ Evarist Bartolo
Il-Ministru Dolores Cristina qatt ma tajret lil xi uffiċjali li qalulha b’xi nuqqasijiet li kien hemm fit-tmexxija tal-Aġenzija tal-Programmi Ewropej.
Hi invenzjoni totali tal-Onor. Evarist Bartolo li kien hemm xi investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF). L-OLAF qatt ma għamel xi investigazzjoni fl-operat tal-Aġenzija tal-Programmi Ewropej.
Kuntrarjament għal dak li qal Evarist Bartolo, mhux il-każ li s-sospensjoni ngħatat għax “sabu ħafna nuqqasijiet gravi ta’ kif intużaw il-fondi”. Din hi invenzjoni oħra ta’ Evarist Bartolo. Il-programmi kienu sospiżi bi prekawzjoni sakemm il-Kummissjoni tkun sodisfatta li l-miżuri meħtieġa ta’ assikurazzjoni jkunu ġew implimentati mill-Aġenzija tal-Programmi Ewropej. Dan minħabba l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea u l-awdituri (li kienu mqabbda mill-Ministeru stess) talbu li jittieħdu miżuri biex jassiguraw il-kontrolli operattivi u finanzjarji meħtieġa.
Min-naħa tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja diġa’ qed jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiddaħħlu dawk il-proċeduri u jissaħħu s-sistemi ta’ kontroll skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumissjoni u tal-Awdituri. Il-Ministeru hu mpenjat li jieħu l-passi rakkomandati biex il-Kummissjoni Ewropea tkun sodisfatta u l-imsemmija programmi jitkomplew kemm jista’ jkun malajr.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990