Left arrow Mur Lura

JINGĦATA BIDU GĦALL-ANALIŻI TA’ STĦARRIĠ DWAR ID-DIETA MALTIJA

PR0941
Date Icon 21/05/2010

“Uffiċjali tal-Awtorita’ Maltija għall-Istandards (Malta Standards Authority – MSA) jinsabu fil-proċess li janalizzaw l-informazzjoni miksuba permezz ta’ stħarriġ dwar id-dieta Maltija. L-informazzjoni inġabret tul ix-xahrejn li għaddew b’mijiet ta’ Maltin u Għawdxin jintalbu jżommu rendikont dettaljat dwar x’jieklu u x’jixorbu ġurnata b’ġurnata. Din l-analiżi għandha twassal proprju biex tingħata stampa ċara ta’ x’inhuma l-elementi tal-ikel u x-xorb li l-aktar jiġu kkunsmati mill-popolazzjoni Maltija. B’dan il-mod ikun possibbli li jiġu identifikati problemi partikolari kawżati minn konsum żejjed jew nieqes ta’ ċertu prodotti. Dan ikun jista’ jsaħħaħ id l-edukaturi Maltin fit-tixrid ta’ informazzjoni dwar l-ikel, kif ukoll lit-tobba meta jkunu qed isegwu lill-pazjenti tagħhom.”

Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għall-Konsumaturi, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, l-Onor. Chris Said meta dalgħodu attenda għal attivita’ organizzata mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop u mill-Iskola Primarja tal-istess lokalita’. Hu saħaq li dieta bilanċjata u eżerċizzju fiżiku b’mod regolari huma l-ingredjenti ewlenin għall-iżvilupp korrett u b’saħħtu tat-tfal.

Matul din l-attivita’ grupp kbir ta’ tfal u l-għalliema tagħhom ingħaqdu u ħadu kolazzjon magħmul bi prodotti friski tal-Benna. Permezz ta’ din l-attivita’ il-Kunsill Lokali u l-amministrazzjoni tal-iskola wasslu l-messaġġ li l-prodotti friski Maltin huma tajbin għas-saħħa, kif ukoll li l-konsumatur Malti għandu jgħożż il-ħidma tar-raħħal Malti.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said tkellem dwar l-importanza li l-Maltin jitgħallmu jagħżlu ikel bnin sa minn eta’ żgħira. Iridu wkoll jitgħallmu jagħmlu d-distinzjoni bejn kwalitajiet differenti ta’ ikel.

Fl-2007 f’numru ta’ skejjel f’Malta u f’Għawdex kien tfassal u ddaħħal fis-seħħ il-‘Healthy Eating Lifestyle Plan’ – pjan għal kwalita’ ta’ ħajja aħjar bbażata fuq dieta bilanċjata. Permezz ta’ dan il-pjan l-istudenti jkunu mħajra jfittxu ikel bnin inkluż frott u ħxejjex tant li fit-tuck shops tal-iskejjel jinbiegħ biss ikel tajjeb, ta’ kwalita’, u li ma jagħmilx ħażin għas-saħħa.

L-istħarriġ li sar fil-ġimgħat li għaddew għandu jgħin biex jekk ikun meħtieġ, dan il-pjan ikun rivedut u msaħħaħ.

Chris Said saħaq fuq l-importanza li l-messaġġi li jintbagħtu favur dieta bilanċjata jkunu konsistenti b’tali mod li jinfluenzaw l-għażliet kemm preżenti kif ukoll futuri tal-individwi. B’dan il-mod tonqos il-problema tal-obeżita’ fost it-tfal u s-soċjeta’ Maltija tkun aktar b’saħħitha.

L-attivita’ favur kolazzjoni bnin fost it-tfal saret f’Ħal Kirkop lejliet il-ftuħ uffiċjali tal-Irkotta Fest li qed ikun organizzat mill-Kunsill Lokali. Fil-passat Ħal Kirkop kien sinonimu mal-produzzjoni tal-irkotta li kienet tinbiegħ fl-ibliet. Fil-festival tal-Irkotta, li se jsir bejn is-Sibt 22 u l-Ħadd 23 ta’ Mejju se jieħdu sehem raħħala u koperattivi ta’ bdiewa bil-parteċipazzjoni tal-Benna u tal-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib. 

L-għan aħħari hu li tingħata spinta lill-prodotti friski tal-ħalib u tingħata informazzjoni dwar ir-rwol tagħhom fil-gastronomija u fid-dieta Maltija.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow