Left arrow Mur Lura

MADWAR 270 STUDENT GĦAWDXI JTEMMU KORSIJIET FIĊ-ĊENTRU GĦAWDXI TA’ L-ARTI U L-ARTIĠJANAT WISTIN CAMILLERI

PR0938
Date Icon 21/05/2010

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex ippreżentat ċertifikati lil madwar 270 student li komplew korsijiet varji fiċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri. Dawn il-korsijiet jittrattaw materji varji ta’ l-arti, snajja’ u xogħol kreattiv, fosthom il-pittura għat-tfal u għall-kbar, il-bizzilla u r-rakmu, ix-xogħol fil-ħġieġ, injam, metall, fuħħar, induratura u fotografija.

Waqt il-preżentazzjoni taċ-ċertifikati, il-Ministru għal Għawdex spjegat kif dan iċ-ċentru, li qed ikun strumentali biex jinżammu ħajjin tradizzjonijiet artiġjanali, qiegħed jiżviluppa f’ċentru ta’ kreattività u innovazzjoni fil-qasam artiġjanali u artistiku. Hija sostniet li dawn is-snajja’ għandhom potenzjal li jkattru opportunitajiet ta’ xogħol għal intraprendituri żgħar b’potenzjal akbar, li matul is-snin dawn l-attivitajiet jikbru, u jkunu jistgħu wkoll jimpjegaw nies oħra. Hija żiedet tgħid li huwa għalhekk li fil-proġett ta’ estensjoni u tkabbir ta’ dan iċ-ċentru, ġie inkluż proġett innovattiv taċ-Ċentru għall-Iżvilupp ta’ l-Artiġjanat biex tiżdied l-għajnuna lil dawk imħajra f’karriera fis-settur. Il-Ministru Debono esprimiet sodisfazzjoni għal fatt li bdew jiġu allokati l-ewwel units u wriet it-tama li jkun hemm domandi oħrajn għal dawk li fadal.

Wara din iċ-ċerimonja, il-Ministru għal Għawdex inawgurat pinnur ġdid u innovattiv li ġie ddisinjat u maħdum miċ-Ċentru. Dan il-pinnur twaħħal fuq il-bejt taċ-Ċentru faċċata tat-triq li twassal għall-Imġarr. L-attività ġiet fi tmiemha b’inawgurazzjoni ta’ esebizzjoni tal-bizzilla tradizzjonali Għawdxija, b’xogħol maħdum mill-istudenti stess u li se tibqa’ miftuħa sa nhar is-Sibt 22 ta’ Mejju. Din l-esebizzjoni tinkludi tliet ilbiesi, li hemm il-pjan li jiġu esebiti waqt wirja fis-Slovenja, aktar tard matul dan ix-xahar.

Iċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri, bħalissa qed jilqa’ aktar minn 1,200 parteċipant, li l-etajiet tagħhom ivarjaw minn seba’ snin sa aktar minn tmenin sena. Permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Gozo College u ċ-ċentru ta’ matul il-jum, isiru wkoll korsijiet għal persuni bi bżonnijiet speċjali. Qed isiru wkoll sessjonijiet ta’ taħriġ fix-xogħol tal-metall li għalihom qed jattendu gruppi ta’ persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol. Dawn is-sessjonijiet qed isiru b’koordinazzjoni mat-taqsima ta’ l-ETC f’Għawdex.

Fl-aħħar sena, minbarra dawn il-parteċipanti, kważi 900 persuna oħra attendew korsijiet li saru b’kollaborazzjoni bejn l-ETC u ċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri, matul 35,000 siegħa ta’ taħriġ prattiku f’numru ta’ snajja’ flimkien ma’ tagħlim ieħor. Inizjattivi meħuda flimkien ma’ l-ETC kienu jinkludu wkoll dawk għal nies li kienu jirreġistraw għax-xogħol.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow