SILTIET MINN DISKORS LI L-ONOR MARIO DE MARCO, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAT-TURIŻMU, L-AMBJENT U L-KULTURA GĦAMEL META RĊIEVA L-‘BEACH QUALITY AWARD’ WAQT ATTIVITÀ FIL-BAJJA TAL-GĦADIRA, IL-MELLIEĦA LI FAKKRET ‘WORLD TURTLE DAY’
L-ambjent madwarna mhux biss il-bini iżda hu fuq kollox l-arja u l-ibħra indaf, il-flora u l-fawna u dak kollu li jikkontribwixxu biex ngħixu ħajja aħjar. L-attività tal-lum tiġbor fiha tnejn mis-setturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi: l-ambjent u t-turiżmu.
Il-programm li qed jittella’ l-lum għandu tliet miri:
• Il-programm ‘Blue Flag’ marbut ma’ ibħra indaf u s-settur turistiku;
• L-edukazzjoni ambjentali, li hi parti mill-kriterja marbuta mal-‘Blue Flag;
• Il-ħelsien tal-fkieren il-baħar fl-abitat naturali tagħhom, il-baħar li hu mod kif inħarsu il-biodiversità.
Il-ħelsien tal-fkieren hu parti mill-programm ta’ salvataġġ ta’ fkieren li jkunu mweġġgħa u li jingħataw kura fil-Forti San Luċjan fuq perijodu ta’ żmien minn membri ta’ Nature Trust u minn ħaddiema f’San Luċjan. Dan kollu jsir taħt l-awspiċji tal-MEPA.
Dan jwassal biex it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jsiru aktar konxji mill-ambjent, mill-annimali u t-tjur li jabitaw fostna u minn speċi protetti, li, li kieku ma nagħtuhomx protezzjoni nitilfuhom għal kollox. Hu f’dan il-kuntest ukoll li twaqqfet EkoSkola li fl-attività tal-lum qed tagħti lill-istudenti informazzjoni dwar il-fkieren li iktar tard dalgħodu ser nilliberawhom u nrodduhom lura lill-baħar, il-habitat naturali tagħhom. Għandna wkoll il-‘Young Reporters for the Environment’ fejn l-idea hi li studenti fi skejjel sekondarji jidentifikaw problema u flok jeħilsu minnha billi jgħidu li dik mhix tagħhom iżda tal-awtoritajiet, joħorġu b’soluzzjonijiet pożittivi.
Hawnhekk qegħdin f’waħda mill-isbaħ bajjiet ta’ pajjiżna, il-bajja tal-Għadira. Din hi bajja li nixtiequ narawaha bi status ta’ Blue Flag. Nafu li dan mhux proċess ħafif iżda jinvolvi ħidma kbira. Dan hu programm mibni fuq skema volontarja ta’ ċertifikazzjoni għax-xtajtiet u marinas li taħdem biex iġġib flimkien is-setturi tat-turiżmu u l-ambjent. Il-programm Blue Flag jwassal biex il-bajja tkun maniġġjata skont il-ħtiġiet tal-Blue Flag li jinkludu kriterji iebsa f’dik li hi kwalità tal-ilma, indafa, sigurtà u immaniġġjar, provediment ta’ informazzjoni u edukazzjoni ambjentali.
Fl-aħħar snin tnejn mill-bajjiet tagħna ngħataw status ta’ Blue Flag, status li ma jingħatax għal dejjem, iżda fuq bażi annwali. Għalhekk l-immaniġġjar tal-inħawi skont livelli għoljin irid jinżamm biex jiġi żgurat li l-bajja tkompli tiġi reklamata bi status ta’ Blue Flag.
Bajjiet bl-istatus ta’ Blue Flag huma ippjanati u mmaniġġjsati fl-ogħla livelli u anki biex ir-rekreazzjoni fihom tnaqqas l-impatt fuq l-ambjent kostali u tkompli twassal għal turiżmu sostenibbli li jinkoraġixxi l-iżvilupp filwaqt li jnaqqas l-impatti ambjentali.
Irrid ngħid ukoll li bajjiet li jkollhom status Blue Flag huma mfittxija iżjed, sew mill-Maltin kif ukoll mit-turisti, u huma reklam u promozzjoni għall-prodott turistiku Malti.
Din is-sena wkoll l-Awtorità tat-Turiżmu żiedet l-impenn tagħha biex isiru aktar attiovitajiet edukattivi dwar il-Blue Flag biex iktar nies ikunu konxji tal-ambjent marittimu. Din is-sena l-MTA ser tkun qed torganizza aktar minn 14-il attività differenti li jinqasmu f’madwar 38 attività iżgħar fil-bajjiet tagħna. Dawn l-attivitajiet jinkludu:
• Kampanja favur separazzjoni tal-iskart fil-bajjiet;
• Kampanja kontra l-ħmieġ li jitħalla minn fsdalijiet ta’ sigaretti;
• Wirjiet ta’ informazzjoni dwar il-bajjiet;
• Parteċipazzjoni fi SkolSajf;
• Attivitajiet għat-tfal fil-bajjiet;
• Attivatijiet informattivi dwar il-ħajja taħt il-baħar;
• Kampanja kontra l-ħsara ikkaġunata minn esożizzjoni żejda għax-xemx;
• Mixjiet madwar il-kosta;
• Kompetizzjoni fotografika
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ser tkompli bix-xogħol tagħha ta’ immaniġġjar tal-bajjiet. L-MTA ser tkun qed taħdem fil-bajja ta’ San Ġorġ, San Ġiljan; il-‘perched beach’ ta’ Buġibba; il-bajjet tal-Għadira u Golden Bay fil-Mellieħa; il-Ponta tal-Qawra f’San Pawl il-Baħar u Fond Għadir f’Tas-Sliema. L-impenn tal-MTA din is-sena qed jiżdied f’żewġ bajjiet oħra : f’Fond Għadir u l-Qawra fejn b’investiment ta’ nofs miljun ewro ser tiżdied l-aċċessibiltà u l-estetika tal-bajjiet tagħna.
L-interventi tal-MTA fil-bajjiet jinkludi servizz ta’ immaniġġjar, tindif kontinwu, servizz ta’ lifeguards f’ċerti bajjiet u first aid f’oħrajn, organizazzjoni ta’ attivitajiet u dissiminazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-ambjent tal-bajjiet u l-baħar. Ħafna xogħol qed isir bħalissa fil-bajjiet biex dawn ikun u fi stat li jilqgħu lin-nies mill-1 ta’ Ġunju.
Dalgħodu Robert Cutajar, is-Sindku tal-Mellieħa u jiena ġejna ippreżentati minn Vincent Attard, ta’ Nature Trust Malta, il-‘Beach of Quality Award’. Din hi għotja li tkompli twittilna t-triq biex nagħmlu minn din il-bajja, bajja oħra ta’ kwalità.
Irrid nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja lil kull min jaħdem biex ikollna ambjent aħjar. Lil Nature Trust, lit-team tal-EkoSkola, lill-MEPA, lill-MTA, liż-żgħażagħ u t-tfal tagħna u lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom dak kollu li jagħmel minn pajjiżna post aħjar biex ngħixu fih.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990