MALTA U L-GEORGIA JIFFIRMAW ŻEWĠ FTEHIM BILATERALI
Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Dr Tonio Borg iffirma żewġ ftehim bilaterali mal-Georgia waqt żjara uffiċjali li qed jagħmel f’Malta il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Georgia, Gregory Vashadza.
Il-ftehim ġew iffirmati fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u jinkludu Memorandum of Understanding fuq Konsultazzjonijiet Bilaterali bejn il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Malti u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Georgia; u Ftehim bejn il-Gvern Malti u dak tal-Georgia fuq il-Koperazzjoni fil-kamp Edukattiv, tax-Xjenza u l-Kultura.
Dan huwa r-raba’ ftehim iffirmat din il-ġimgħa mill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, Tonio Borg hekk kif iktar kmieni kien iffirma żewġ ftehim oħra mal-Eġittu. Fl-aħħar sentejn, il-Gvern Malti iffirma total ta’ 85 ftehim ma’ pajjiżi oħra.
Il-Viċi Prim Ministru Tonio Borg qal li wasal iż-żmien li Malta u l-Georgia jibnu b’mod konkret relazzjonijiet diplomatiċi iktar b’saħħithom, u din iż-żjara qed isservi ta’ opportunità biex dan iseħħ.
Dr Borg qal li l-ftehim dwar il-konsultazzjonijiet bilaterali huwa l-ewwel pass biex tissaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. L-għan ewlieni ta’ dan il-ftehim hu sabiex jinqassmu l-ideat permezz ta’ konsultazzjonijiet regolari fuq kwistjonijiet bilaterali, reġjonali u internazzjonali. Il-Vici Prim Ministru stqarr li t-tisħiħ tal-koperazzjoni u l-ftehim bejn Malta u l-Georgia se jkun qed jagħti kontribut għat-tisħiħ tal-paċi, is-sigurtà u l-istabilità fil-Mediterran.
Dwar l-investiment u l-kummerċ, Dr Borg qal li Malta hija lesta li ssaħħaħ dan is-settur b’mod bilaterali. Huwa semma l-iffirmar tal-Ħelsien mit-Tassazzjoni Doppja li ġie iffirmat f’Ottubru 2009, u qal li dan għandu jservi ta’ bażi biex jitkattar l-investiment u jinħolqu iktar impjiegi. Malta tkellmet f’diversi fora internazzjonali biex turi l-appoġġ tagħha għar-rispett tal-integrità territorjali tal-Georgia. Huwa qal li riżoluzzjoni paċifika hija l-għan ewlieni tal-politika Ewropea f’dan ir-rispett.
Dwar l-Unjoni Ewropea, il-Viċi Prim Ministru qal li Malta hija favur it-tkabbir ta’ l-Unjoni, iżda madanakollu kull applikant għandu jissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-Unjoni Ewropea. Fakkar kemm ħidma kellha twettaq Malta biex issir membru sħiħ.
Il-Viċi Prim Ministru Tonio Borg laqa’ it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Georgia. Malta tħoss li t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Georgia jistgħu iservu ta’ strument għall-istabbiltà mhux biss fil-Georgia iżda wkoll fir-reġjuni ġirien.
Huwa għalhekk neċessarju li dawn ir-relazzjonijiet ikomplu jitkattru permezz ta’ negozjati u ftehim addizzjoni, li jkopru ħafna iktar oqsma soċjali ta’ relevanza għaż-żewġ naħat. Temm jgħid li t-triq tal-Georgia li tissieħeb fl-Unjoni Ewropea tista’ tkun valur aġġunt għall-Unjoni Ewropea biex issaħħaħ il-preżenza tagħha fix-xena internazzjonali.
Tagħrif addizzjonali
Il-Georgia għandha popolazzjoni ta’ ‘il fuq minn 4.5 miljun persuna, b’rata ta’ tkabbir tal-GDP ta’ 4 fil-mija fl-2009.
Fl-2009 Malta esportat lejn il-Georgia l-ammont ta’ 117,333 ewro f’materjal tagħmir mekkaniku. F’Malta hawn reġistrati 9 kumpaniji Ġeorgjani.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990