Left arrow Go Back

IFFIRMAT FTEHIM DWAR ĠBIR TA’ SKART RIĊIKLABBLI MA’ 11-IL KUNSILL LOKALI F’GĦAWDEX

PR0934
Date Icon 21/05/2010

Ħdax-il Kunsill Lokali f’Għawdex iffirmaw ftehim mal-kumpanija Green MT dwar ġbir ta’ skart riċiklabbli minn residenzi u minn entitajiet kummerċjali. Illum minn dawn il-lokalitajiet fil-gżira Għawdxija, jinġabru 8.5 tunnellati ta’ skart riċiklabbli. Il-mira hi li permezz ta’ din l-iskema, l-iskart riċiklabbli jiżdied b’aktar minn 300 fil-mija għal 26 tunnellata fil-ġimgħa.

Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Konsumaturi, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, l-Onor. Chris Said meta ppresieda ċ-ċerimonja ta’ l-iffirmar tal-ftehim bejn Green MT u l-Kunsilli Lokali tar-Rabat, Nadur, Kerċem, iż-Żebbuġ, Qala, San Lawrenz, Għajnsielem, Għarb, Għasri, Munxar, u Fontana. Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono kienet preżenti għal din l-attivita’.

L-iskart separat miġbur minn kull lokalita’, eventwalment jispiċċa fl-impjant ta’ Sant’Antnin fejn Green MT u l-Wasteserv jippakkeġġjawh u jesportawh għar-riċiklaġġ. Fil-gżejjer Maltin jeżistu żewġ skemi ta’ din ix-xorta bi 62 Kunsill Lokali minn total ta’ 68 huma msieħba f’waħda minnhom.

Chris Said qal li bħala parti mill-ftehim milħuq mal-Kunsilli Lokali Għawdxin, fil-ġimgħat li ġejjin se jiżdiedu l-operaturi tal-ġbir ta’ skart riċiklabbli mis-settur kummerċjali. Se jkunu mpjegati wkoll numru ta’ eco-councillors bl-għan prinċipali tagħhom se jkun li jedukaw u li jipprovdu servizzi fil-Kunsilli lokali kollha. Se jiżdiedu wkoll numru ta’ bring in sites biex jikkumplimentaw dawk eżistenti. Barra minn hekk se jitqassmu boroż griżi f’diversi Kunsilli. L-inizjattivi u l-ħinijiet tal-ġbir tal-iskart ivarjaw skond il-ħtiġijiet tal-komunitajiet kummerċjali u residenzjali tal-Kunsilli Lokali rispettivi.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said faħħar l-inizjattiva ta’ Green MT u sostna li l-pjani mfassla mal-11-il Kunsill Lokali li ffirmaw dan il-ftehim jintegraw tajjeb mal-viżjoni ta’ Eko-Għawdex għas-snin li ġejjin. Il-mira ta’ Eko-Għawdex hi mibnija proprju fuq il-prinċipju li l-gżira tittrasforma ruħha f’soċjeta’ sostenibbli fl-oqsma ambjentali, ekonomiċi u soċjali. Dan jista’ jsir billi fost l-oħrajn l-investiment li jsir ikun ta’ kwalita’ u ma jagħmilx pressjoni fuq l-ambjent naturali tal-gżira.

Green MT diġa tħaddem Skema għal ġbir ta’ Skart Riċiklabbli ma’ 30 Kunsill Lokali differenti f’Malta. L-ewwel ftehim tax-xorta tiegħu kien iffirmat f’Ġunju 2009. Il-ġbir ta’ skart riċiklabbli minn Malta qed jiżdied u bħalissa qed jinġabru madwar 130 tunnellata ta’ skart ta’ dan it-tip fil-ġimgħa. Il-mira hi li l-ġbir ta’ skart riċiklabbli permezz ta’ din l-iskema jitla’ għal 220 tunnellata fil-ġimgħa.

L-iskema tant qed taħdem tajjeb li f’lokalita’ bħal Birkirkara il-ġbir ta’ skart riċiklabbli żdied minn tmien tunnellati għal 22 tunnellata fil-ġimgħa. F’lokalitajiet bħan-Naxxar, ir-Rabat, San Ġwann, Marsaskala u Ħal Qormi ukoll kienet reġistrata żieda sostanzjali fil-ġbir ta’ skart riċiklabbli.

Chris Said faħħar ukoll lill-Kunsilli Lokali u lill-komunitajiet kummerċjali li billi jonoraw ftehim bħal dan u billi jinġabar skart għar-riċiklaġġ, qed jgħinu fl-impenn ġenerali favur ambjent sostenibbli. Hu qal li l-ftehim mal-Kunsilli Lokali Għawdxin hu pass strutturat ieħor bħala parti mir-rivoluzzjoni siekta li qed isseħħ permezz tal-Istrateġija għall-Immaniġġjar tal-Iskart.

Fl-aħħarnett Chris Said fakkar fl-inċentivi li qed jingħataw lill-Kunsilli Lokali biex jarmu anqas skart fl-engineered landfill tal-Għallis. Il-flus li qed jiffrankaw billi jnaqqsu r-rimi tal-iskart, ikunu jistgħu jintużaw fi proġetti ta’ tisbiħ fil-lokalitajiet.

Fid-diskors tagħha, il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono qalet li żgur li din l-inizjattiva ta’ ftehim bejn 11-il Kunsill Lokali f’Għawdex u l-Green MT, se tissarraf fi żmien qasir f’riżultati tanġibbli li jagħmlu ġieh lil-lokalitajiet kif ukoll lill-persuni li jgħixu fihom. Sostniet li din l-inizjattiva ser tgħin biex tinħoloq kuxjenza akbar fost il-poplu dwar il-ħtieġa li l-iskart li jiġi ġġenerat kuljum, ikun separat biex ikun jista’ jiġi rriċiklat.

Il-Ministru Debono żiedet tgħid li fid-dawl tal-viżjoni tal-Gvern li jagħmel minn Għawdex gżira ekoloġika, il-Ministeru għal Għawdex huwa mpenjat f’ħidma ta’ tindif ta’ l-ambjent ġenerali f’Għawdex.

Il-Ministru għamlet referenza għal proġett tal-Qortin fix-Xagħra, li minn miżbla se jinbidel f’park ta’ rikreazzjoni għal familji. “It-tkomplija tal-proċess ta’ riabilitazzjoni tas-sit tal-Qortin, huwa xhieda konkreta fl-impenn tal-gvern biex Għawdex jilħaq miri ta’ żvilupp sostenibbli. L-għoti tal-permess tal-MEPA l-ġimgħa li għaddiet relatat mar-rijabilitazzjoni tal-miżbla tal-Qortin, ser iwassal biex dik li kienet l-ikbar ġerħa ambjentali tinbidel f’sit li jikkumplimenta l-ambjent naturali tal-madwar. L-għeluq ta’ din il-miżbla fisser l-għeluq ta’ dak li kien l-akbar sors ta’ tniġġiż f’Għawdex,” qalet il-Ministru Giovanna Debono.

Hija żiedet tgħid li permezz tat-tindif ta’ l-ambjent madwar il-gżira, Għawdex ser jidher aktar sabiħ kemm għall-Għawdxin li jgħixu fih kif ukoll għall-Maltin u t-turisti li mistennija jżuruh matul ix-xhur tas-sajf.

Il-Ministru appellat mhux biss għall-immaniġġjar aħjar tal-ġbir ta’ skart, imma wkoll biex tonqos il-possibiltà ta’ rimi ta’ skart fil-kampanja. Hija temmet tgħid li b’hekk inkunu nistgħu nkomplu nersqu lejn il-viżjoni Eko-Għawdex, bil-għan li jkollna lokalitajiet aktar nodfa permezz ta’ azzjonijiet u inizjattivi ambjentali sostenibbli.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow