ŻIEDA TA’ 80% FL-APPLIKAZZJONIJIET GĦAL-LIĊENZJI KUMMERĊJALI FL-EWWEL 4 XHUR TA’ DIN IS-SENA
Fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena kien hemm żieda ta’ 80% fuq l-ewwel erba’ xhur tal-2009 f’applikazzjonijiet ġodda għal liċenzji kummerċjali. Dan jikkonferma l-politika tal-Gvern li jinċentiva l-investiment li jiġġenera x-xogħol.
Is-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet Jason Azzopardi qal dan waqt il-ftuħ uffiċjali tal-ewwel stabbiliment Millie’s Cookies f’Malta.
Huwa qal li x-xogħol jibqa’ s-sinsla tal-politika tal-Gvern, għax huwa l-fus li jdur fuqu kollox. Dan joħroġ biċ-ċar għax sena wara l-oħra l-Gvern joħloq u jsaħħaħ miżuri u inċentivi biex ikompli jagħti xenarju ideali u favorevoli li jinkoraġġixxi dan it-tip ta’ investiment. Dan huwa rifless fil-fatt li fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena kien hemm żieda ta’ 80% fl-applikazzjonijiet għal liċenzji kummerċjali.
Jason Azzopardi feraħ lill-operaturi ta’ dan l-ewwel ħanut tat-tip tiegħu f’Malta, li permezz tal-inizjattiva tagħom qed joħolqu aktar impjiegi fil-ħwienet, u jikkontribwixxu għall-ekonomija. Jason Azzopardi qal li bħalissa f’pajjiżna hawn 24,549 ħaddiema jaħdmu fis-settur tal-ħwienet.
Is-Segretarju Parlamentari qal li aktar ħwienet qed jiftħu f’pajjiżna u qed jiżdiedu l-franchises f’pajjiżna. Dan hu sinjal ċar ta’ attivita’ ekonomika u fiduċja f’pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990