Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA’ FIT-TNEDIJA TAL-KAMPANJA NAZZJONALI KONTRA L-OBEŻITA’ – IL-BELT VALLETTA - 20 TA’ MEJJU 2010

PR0931
Date Icon 20/05/2010

Nirringrazzja lilkom ġurnalisti talli għal darb’oħra għoġobkom tkunu magħna sabiex twasslu l-messaġġi li minn żmien għall-ieħor id-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard, ikun irid iwassal lill-pubbliku ġenerali.

Nhar is-Sibt li ġej 22 ta' Mejju 2010 ser jiġi ċċelebrat il-Jum Ewropew kontra l-Obeżita’. Il-missjoni ta’ din il-ġurnata hi sabiex b’effett immedjat l-Ewropa issir aktar b’saħħitha; billi jitnaqqas b’mod sinifikattiv, in-numru ta’ ċittadini fl-Ewropa li huma affettwati jew imutu prematurament mill-piż żejjed jew l-obeżita’.

Iktar minn nofs il-populazzjoni tal-Ewropa qed tkun affettwata minn din il-kundizzjoni. L-obeżita’ mhix problema ta’ estetika imma waħda ta’ nuqqas ta’ saħħa - dan għaliex magħhom hu assoċjat żieda fir-riskju ta’ żvilupp ta’ kundizzjonijiet serji bħall-pressjoni għolja fid-demm, puplesija, d-dijabete tat-tip II, mard tal-qalb u ċerti tipi ta’ kansers.

Skond l-aħħar statistika mid-Dipartiment tas-Saħħa fl-Informatika u r-Riċerka, madwar 36.3% tal-Maltin qalu li għandhom il-piż żejjed filwaqt li 22.3% oħra ddikjaraw lilhom infushom ‘obeżi’.

Il-problema tal-obeżita’ hija komplessa u sabiex tingħeleb hemm bżonn li kulħadd jagħmel il-parti tiegħu, inkluż il-pubbliku sabiex jagħmel għażliet tajba ta’ ikel u sabiex l-ikel jittiekel bil-qies! Aħna konxji li fil-preżent l-ambjent Malti minkejja l-isforzi li saru s’issa għadu wisq iwassal lil Maltin sabiex iżidu il-piż milli jżommu piż tajjeb. Għad jonqos ħafna xi jsir sabiex maż-żmien jinbidel l-arloġġ ta’ kif l-ikel qed jiġi ikkunsmat u kemm qed isir attivita’ fiżika flok stil ta’ ħajja sedentarja li ġabet magħha t-teknoloġija moderna.

Wara li ftit snin ilu l-Gvern kien waqqaf il-kumitat (ICCO) sabiex jinbeda djalogu mas-setturi oħra tal-gvern dwar kif tista’ tingħeleb l-obeżita fost il-Maltin, bħalissa qed tinkiteb strateġija bi proposti dwar kif l-ambjent eżistenti jista’ jitbiddel biex il-pubbliku Malti jkun aktar megħjun jagħmel għażliet tajba dwar l-ikel u favur ħajja fiżikament attiva bħala stil ta’ ħajja b’saħħitha. Dan bil-għajnuna u l-kollaborazzjoni ta’ setturi governattivi barra mis-saħħa, flimkien ma’ entitajiet oħra. L-Għan aħħari hu li jitnaqqas il-mard dovut mid-dieta żbilanċjata, ħajja sedentarja u ħxuna żejda.

Propju għal dan il-għan li llum bħala Ministeru tas-Saħħa, nġbarna hawn sabiex ninfurmaw lill-pubbliku Malti b’dak li ġie mħejji f’din l-kampanja nazzjonali sabiex jitkompla jiżdied l-għarfien fost il-Maltin dwar kif jagħmel għażliet favur dieta bbilanċjata u bil-qies u favur ħajja aktar fiżikament attiva. Din il-kampanja nazzjonali se tkun mifruxa fuq ix-xhur ta’ Mejju u Ġunju u li ser tkun sostenuta matul din is-sena 2010.

Nirringrazzja lill-kollaboraturi bħad-Direttorat għall-Kura Primarja u lis-sebgħa Kunsilli Lokali li offrew li jipparteċipaw magħna f’din il-kampanja kontra l-obeżita’ kif ukoll lill-istaff kollu tekniku u amministrattiv fi ħdan id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard, li kważi minn Frar il’hawn ħadmu bla waqfien sabiex titħejja din il-kampanja. Nittama li dawn l-isforzi se jinkoraġġixxu aktar adulti Maltin jagħmlu l-parti tagħhom sabiex iħarsu saħħithom u jżommu piż tajjeb matul ħajjithom.

Grazzi tal-attenzjoni tagħkom!

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow