Left arrow Mur Lura

HELEN D’AMATO MAĦTURA KUMMISSARJU GHAT-TFAL

PR0929
Date Icon 20/05/2010

Helen D’Amato hi l-Kummissarju għat-Tfal.  Il-ħatra tagħha saret mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi.  Il-ħatra tagħha hi għal perjodu ta’ tliet snin.  Fit-tliet snin li għaddew Carmen Zammit kienet tokkupa din il-kariga.

Skont il-Liġi, il-Kummissarju għat-Tfal għandu l-poter li jinvestiga kull ksur jew tnaqqir tad-drittijiet tat-tfal.  Għandu jassikura li t-tfal jingħataw l-opportunita’ li jesprimu l-fehmiet tagħhom u dawn ikunu kkunsidrati, jippromwovi l-protezzjoni tal-għaqda tal-familja u jinsisti għal appoġġ adegwat lill-ġenituri fit-trobbija tal-ulied.

Barra minn dan il-Kummissarju għat-Tfal għandu jinkoraġixxi l-iżvilupp ta’ kura alternattiva għal tfal li jkollhom bżonnha fil-forma ta’ adozzjoni jew fostering.  Għandu jara wkoll li d-Dipartimenti kollha tal-Gvern, awtoritajiet lokali, entijiet pubbliċi, u organizazzjonijiet pubbliċi u volontarji jħarsu l-interessi u d-drittijiet tat-tfal f’deċiżjonijiet li jolqtuhom.

Il-Kummissarju għandu jippromwovi l-protezzjoni tat-tfal minn ħsara fiżika, mentali, jew sesswali u mill-esplojtazzjoni. Livelli għolja ta’ saħħa u servizzi soċjali lill-mara tul it-tqala, kif ukoll kura speċjali u protezzjoni, inkluż protezzjoni legali lit-tfal qabel u wara t-twelid, huma wkoll fl-inkarigu tal-Kummissarju biex jippromovihom.

Hu għandu wkoll iġġib ‘l quddiem l-ogħla livelli ta’ saħħa, edukazzjoni, servizzi soċjali, faċilitajiet ta’ logħob u rikerazzjoni għat-tfal kif ukoll għandu jassigura li jittieħdu l-miżuri kollha possibbli mill-awtoritajiet kompetenti biex it-tfal ma jaqgħux fil-faqar u ma jkunux esklużi soċjalment.

Helen D’Amato twieldet f’Birkirkara fejn ħadet l-ewwel edukazzjoni tagħha u wara għamlet kors biex saret għalliema.  Għal 12-il sena hi għallmet fi skejjel primarji u sekondarji.  Bejn l-1990 u l-1993 serviet bħala Assistent Ġudizzjarju fil-Qorti tal-Minuri u bejn l-1993 u l-1996 kienet Viċi Sindku taż-Żurrieq.  Bejn l-1996 u l-2008 kienet Membru Parlamentari.

Matul il-karriera parlamentari tagħha kienet Chairperson tal-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali bejn l-1998 u l-2004 u serviet fuq l-ewwel Kunsill għat-Tfal. Hi rrappreżentat lill-Gvern Malti fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li fl-2002 iddiskutiet it-tema “Dinja Adattata għat-Tfal”. Bejn l-1991-1996 kienet ukoll membru fuq il-Bord ta’ Pariri dwar it-Tfal u ż-Żgħażagħ li hu nkarigat li jsegwi tfal li jkunu taħt Care Order. 

Irrappreżentat lill-Gvern Malti u kienet Kap tad-Delegazzjoni Maltija fl-Interparliamentary Union u fil-Konferenza għas-Sigurta’ u l-Kooperazzjoni fil-Mediterran u mexxiet ukoll id-delegazzjoni Maltija fit-taħditiet għat-twaqqif tal-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran li l-lum għandha s-sede tagħha f’Malta.

Hi rrappreżentat ukoll lill-Gvern fil-EuroMed, il-Kunsill tal-Ewropa, il-Fondazzjoni Richmond, il-Bord tal-Assistenza Soċjali, il-Kummissjoni Nazzjonali għas-Saħħa Mentali u l-MEPA.

Bejn l-2004 u l-2008 Helen D’Amato kienet Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’.

Mill-2008 sal-lum hi serviet bħala Konsulent Anzjan dwar il-Politika ta’ Inklużjoni fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u hi membru tal-Kunsill għat-Tfal.  Tippresiedi Working Group li jaħdem biex jassigura aċċess għall-edukazzjoni lill-minuri mhux mal-ġenituri u lit-tfal tal-immigranti li qed ifittxu ażil u hi membru fuq diversi gruppi u boards li jassiguraw l-aċċess u inklużjoni fl-edukazzjoni u  fit-taħriġ vokazzjonali għal studenti b’diżabilita’ li twaqqfu  mill-Kummissjoni Nazzjonali għal Persuni b’Diżabilita’ u l-MCAST.  Hi membru tal-Core Group tal-MEUSEC.

Helen D’Amato hi miżżewġa lil Carmel u għandhom tliet ulied Anton, Manuel u Francesca.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow