DISKORS MILL-BEST RECRUIT OWEN CAMENZULI FL-OKKAŻJONI TAL-PASSING OUT PARADE TAR-REKLUTI L-ĠODDA FIL-FORZI ARMATI TA’ MALTA - BARRACKS TA’ ĦAL LUQA – IL-ĦAMIS 20 TA’ MEJJU 2010
Onorevoli Prim Ministru
Kmandant Forzi Armati ta’ Malta
Sinjuri,
Waslet il-ġurnata tal-Passing Out tant mistennija minni u minn sħabi li flimkien qattajna kważi ħames xhur ta’ reklutaġġ li fihom ġejna evalwati jekk aħniex denji li nsiru suldati u nissieħbu fl-Armata Maltija.
F’dan iż-żmien ta’ rekluti, iltqajna ma’ ħafna mumenti fejn tibda tistaqsi lilek innifsek: “Jien għaliex ġejt hawn? Għaliex qiegħed noqgħod għal dan l-istress? Għaliex qiegħed inqatta’ sa tard fil-għaxija ngħaddi l-PT kit bit-tinja biex wara kwarta ġiri jitlaq kollox? Għaliex qiegħed noqgħod nibbulja ż-żarbun biex wara ftit drill jirfisuli sieħbi r-rekluta u nara xi sagħtejn xogħol jisfaxxaw fix-xejn? Jew jekk l-instructor ma jkunx sodisfatt nagħmel xi jumejn in fila wara l-ħin. Illum, ħadt ir-risposta waħdi u s-sagrifiċċju li għamilt qed jagħtini sodisfazzjon kbir. Illum qiegħed hawn ma’ sħabi l-oħra li bħali ma qatgħux qalbhom u żammew sod sal-ġurnata tal-lum. Inħoss sodisfazzjon li kont denju u lestejt ir-reklutaġġ, sodisfazzjon li ha nagħti servizz lil pajjiżi u sodisfazzjon tant ikbar li ilħaqt għan important fil-ħajja tiegħi, li sirt suldat.
F’dan iż-żmien tgħallimt nirrispetta iktar lil sħabi u lin-nies ta’ madwari, tgħallimt naħdem bħala grupp u ngħix ma’ nies b’opinjonijiet u ideat differenti minn tiegħi. Saħħaħna l-livell fiżiku permezz ta’ training, bħal ġiri, route marches, għawm, assault course u l-combat PT. Fit-tmiem kellna nikkompetu f’dawn il-ħiliet kemm b’mod individwali kif wkoll bħala team magħqud għal għan wieħed. B’wiċċi minn quddiem nistqarr li jien u sħabi lħaqna livell għoli ta’ dixxiplina personali, responsabbilta’ u maturita’, kemm f’dak li hu d-drill u l-taħriġ bl-armi kif wkoll valuri militari oħra. B’dan kollu skoprejt li kapaċi nkun ta’ integrita’ b’ valuri tant important ghas-servizz li jien se nghati.
F’dan ir-reklutaġġ għamilt ħbieb ġodda li qatt ma bsart li se jsiru ħbieb daqshekk tal-qalb. Sħabi għażlu toroq differenti fil-karriera militari u sfortunatament se ninfirdu, imma konvint li dan iż-żmien u dawn in-nies ha jħallu timbru fil-ħajja tiegħi.
F’isem sħabi nixtieq nirringrazja minn qalbi lil ġenituri tagħna, li b’paċenzja liema bħala, kellhom jissaportu u jġorru l-piż magħna sakemm wasalna f’dan il-pass fil-ħajja tagħna. Żgur m’hiniex ser ninsa lill-instructors, lis-Surgent u l-Fizzjal li b’dedikazzjoni kbira wassluna għal-livel rikjest. Finalment nirringrazzja lill-awtoritajiet tal-Forzi Armati li tawna ċans inkunu parti minnhom.
Grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990