DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TAL-PASSING OUT PARADE TAR-REKLUTI L-ĠODDA FIL-FORZI ARMATI TA’ MALTA - BARRACKS TA’ ĦAL LUQA – IL-ĦAMIS, 20 TA’ MEJJU 2010
Kap Kmandant,
Uffiċjali Kadetti u Rekluti Ġodda,
Mistiedna Distinti,
Sinjuri,
Kien ta’ unur u pjaċir għalina lkoll nassistu għal din il-parata. Ċerimonja li fiha intom ir-rekluti l-ġodda tajtu ġieħ lilkom infuskom, lill-Armata u lil pajjiżna. Ta’ dan għandkom l-ammirazzjoni tagħna lkoll.
Din hija tassew ġurnata speċjali u importanti fil-ħajja tagħkom ir-rekluti l-ġodda. Wara erba’ xhur ta’ taħriġ, ilħaqtu l-ambizzjoni tagħkom u qed tagħtu bidu għall-karriera fil-Forzi Armati ta’ Malta. Forzi Armati li tul l-istorja tagħhom urew li l-aqwa element tagħhom huwa tabilħaqq ir-riżorsa umana, is-suldati Maltin u Għawdxin.
Intom għażiltu karriera ta’ dixxiplina u ta’ servizz għal pajjiżna. Ta’ dan f’isem il-poplu nirringrazzjakom u nifirħilkom. Is-servizz tagħkom tul is-snin li ġejjin għandu jkun ankrat u ispirat minn valuri sodi: lealtà, dover, rispett, integrità, kif ukoll kuraġġ personali.
Hija wkoll ġurnata speċjali għall-familji tagħkom. L-appoġġ u s-sostenn tal-familja tul karriera fl-Armata huma essenzjali. Ta’ dan nixtieq nirringrazzja pubblikament lill-familji tas-suldati Maltin u Għawdxin għas-sagrifiċċji u d-dedikazzjoni tagħhom.
Il-parata li assistejna għaliha tixhed il-professjonalità u l-livell għoli ta’ taħriġ li kapaċi toffri l-Armata tagħna. Intom l-għalliema, bid-dedikazzjoni, l-impenn u l-entużjażmu tagħkom żviluppajtu t-talenti u l-potenzjal ta’ dawn iż-żagħżagħ biex iservu lil pajjiżhom. Ir-reklutaġġ u t-taħriġ, kemm lokali kif ukoll barra minn pajjiżna, huma l-qofol tal-potenzjal tal-armata. Irrid nieħu l-opportunità biex nifraħ lil dawk li għamlu ġieħ lil Malta meta ħadu premjijiet waqt taħriġ barra minn xtutna, b’mod speċjali lil Logutenent Papa Pasquale li din is-sena eċċella b’mod partikulari. Dan kollu jkompli jżid il-fiduċja tagħna fl-Armata.
U għalhekk inkomplu nsaħħu l-Forzi Armati ta’ Malta bir-reklutaġġi l-ġodda. F’Jannar ta’ din is-sena ħarġet sejħa għall-ingaġġ ta’ uffiċjali kadetti, kif ukoll applikazzjonijiet għall-ingaġġ ta’ suldati kemm fil-forza regolari kif ukoll fil-forza ta’ riserva. In-numru ta’ applikazzjonijiet kien konsiderevoli, u dan juri l-interess tal-poplu Malti fil-Forzi Armati ta’ Malta. Qed inkomplu nimpenjaw ruħna biex ikun hemm eżerċizzju għal promozzjonijiet kull sena, u li dan jibqa’ jsir dejjem aktar trasparenti u bbażat fuq il-mertu. Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li wara r-reviżjoni tal-proċess tal-għoti ta’ promozzjonijiet, min din is-sena in-numru ta’ lmenti marbuta ma’ dan il-proċess naqas drastikament.
L-impenn tal-Gvern lejn l-Armata jidher ukoll fl-investiment li qed isir fl-infrastruttura u fl-apparat. Permezz tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, l-Armata Maltija ħatfet l-opportunitajiet biex tagħmel użu mill-fond tal-Fruntieri Esterni.
Din is-sena l-Armata bdiet tagħmel użu minn sistemi ta’ komunikazzjoni ġodda u moderni, li tejbu konsiderevolment l-operat tagħha. Kmieni s-sena d-dieħla mistenni wkoll il-wasla ta’ ajruplan ġdid mgħammar b’apparat ta’ sorveljanza u komunikazzjoni moderna, kif ukoll b’tagħmir sofistikat għat-tiftix u salvataġġ barra minn xtutna, u li jippermetti s-sorveljanza f’distanzi twal. Dawn iż-żewġ proġetti jammontaw flimkien għall-investiment ta’ tnax-il miljun ewro.
Aktar kmieni din is-sena l-iskwadra Marittima wkoll ġiet attrezzata b’apparat mill-aktar modern. Din l-iskwadra bdiet tuża erba’ Patrol Boats ġodda b’investiment ta’ 9.5 miljun ewro. B’riżultat ta’ dan l-investiment, is-suldati issa mhux biss se jkunu jaħdmu b’inġenji u apparat mill-aktar modern, iżda f’kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar.
L-operazzjonijiet barra minn xtutna komplew jiżviluppaw hekk kif għal darba oħra l-Armata bagħtet żewġ uffiċjali tagħha fuq missjoni mmexxija mill-Unjoni Ewropea fil-Ġeorġia. L-Armata għandha wkoll uffiċjal stazzjonat l-Ingilterra li qed jifforma parti minn tim ta’ uffiċjali mill-Unjoni Ewropea, fi tmexxija ta’ operazzjoni marittima li qiegħda titwettaq barra mix-xtut tas-Somalia kontra l-piraterija. Proprju mix-xahar li għadda, grupp ta’ tnax-il suldat Malti qed jaħdem fuq bastiment Olandiż, bil-għan li jkunu salvagwardjati l-ibħra u l-kosta tas-Somalja mill-piraterija, filwaqt li tliet membri oħra qed joffru taħriġ lill-forzi tas-Sigurtà Somali, ukoll taħt il-kappa tal-Unjoni Ewropea.
Il-parteċipazzjoni tal-Forzi Armati ta’ Malta f’missjonijiet u operazzjonijiet barra minn xtutna mhux biss toffri opportunità ta’ esperjenza u tagħlim lis-suldati tagħna, imma timlina bil-kuraġġ biex inkomplu nagħtu kontribut siewi għall-paċi fid-dinja.
F’dan kollu, pajjiżna kburi bl-Armata tiegħu.
Nirringrazzja lill-Kmandant, li llum assistejna għall-ewwel Passing Out Parade taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Napprezza l-ħidma li qiegħed iwettaq biex il-Forzi Armati ta’ Malta jkunu dejjem aktar professjonali.
Nawgura lilkom suldati ġodda servizz attiv fl-Armata; komplu agħtu sehemkom lil pajjiżna b’mod professjonali. Aħna kburin bil-kontribut uniku li qegħdin tagħtu lil pajjiżna. Grazzi.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990