Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-O. CHRIS SAID, SEGRETARJU PARLAMENTARI GHALL-KONSUMATURI, KOMPETIZZJONI ĠUSTA, KUNSILLI LOKALI U KONSULTAZZJONI PUBBLIKA WAQT BUSINESS BREAKFAST ORGANIZZAT MILL-MEUSAC BIT-TEMA: MAKING THE MOST OF EU MEMBERSHIP FOR SMES IN GOZ

PR0911
Date Icon 19/05/2010

Sinjuri

Il-vizjoni Ewropa 2020, imnedija f’Marzu li għadda mill-Kummissjoni Ewropea, tagħti importanza liema bħala lis-settur tan-negozji u l-intrapriżi żgħar u medji. Wieħed mill-għanijiet ta’ din l-istrateġija hi li madwar l-Unjoni Ewropea jinħoloq ambjent ekonomiku tali, li jagħti ċ-ċans aktar SMEs jaħdmu u jiżviluppaw.

L-enfasi tibqa’ dejjem fuq l-innovazzjoni, l-għerf, l-iżvilupp sostenibbli, u l-ħolqien ta’ aktar postijiet tax-xogħol.

Kif kellna l-opportunita’ nisimgħu kemm-il darba, u dan nistgħu nikkonfermawh illum ukoll, l-intrapriżi żgħar u medji huma s-sinsla tal-ekonomija Għawdxija. Forsi ta’ Għawdex aktar minn ta’ Malta u aktar minn ta’ reġjuni oħra fl-Ewropa.

Aktar minn 99 fil-mija tal-intrapriżi Ewropej huma ta’ daqs żgħir jew medju? Is-sitwazzjoni f’Għawdex, minħabba ċ-ċokon tal-gżira, hi tali li l-maġġoranza l-kbira tal-intrapriżi jħaddmu anqas minn 10 persuni.

M’għandix dubju li tafu bizzejjed daqsi u iżjed minni fejn l-SMEs Għawdxin huma b’saħħithom u x’inhuma l-problemi li tiffaccjaw intom li tmexxu negozju jew intrapriza hawnhekk fil-gżira Għawdxija.

L-SME’s Għawdxin huma impriżi ‘tal-familja’. Għandhom perspettiva kemm xejn indipendenti u miftuħa lejn l-attivita’ ekonomika. Is-saħħa tagħhom ġejja proprju minn dan il-fatt.

Għaldaqstant nistgħu ngħidu li l-SMEs Għawdxin

huma mill-aktar flessibbli

kapaċi jieħdu deċiżjonijiet malajr

ma jbatux mix-xkiel ta’ burokrazija interna żejda

motivati lejn is-suċċess

iridu jibnu pedamenti sodi għall-ġenerazzjonijiet li jmiss tal-istess familja.

Ejja ngħiduha kif inhi. Bħal f’kollox, l-SMEs iħabbtu wiċċhom ma’ numru ta’ problemi. Bla dubju li ċ-ċokon hu vantaġġ fih innifsu, iżda fl-istess ħin iġib miegħu ċertu diffikultajiet.

ħafna drabi jsibuha diffiċli biex jisselfu mill-banek

jiffaċċjaw problemi ta’ likwidita’

isibuha diffiċli jaħdmu f’suq miftuħ u kompetittiv

m’humiex b’saħħithom daqs kumpaniji jew organizzazzjonijiet kbar li bla dubju jkunu jifilħu aktar

Il-punti li semmejt, kemm dawk pożittivi kif ukoll dawk negattivi, jgħoddu għal SME f’Malta daqs kemm jgħoddu għal SMEs fi kwalunkwe reġjun ieħor fl-Ewropa.

Fil-każ ta’ Għawdex, id-diffikultajiet jinħassu aktar minħabba l-kwistjoni tal-insularita’ doppja. Għawdex hi gżira maqtugħa mit-territorju nazzjonali ewlieni. Tiddependi għal kollox minn Malta – fiċ-ċaqliq tal-persuni, tal-merkanzija, tas-servizzi; fil-każ tal-importazzjoni u l-esportazzjoni, u f’tant u tant affarijiet oħra.

Aktar minn hekk. Problema oħra għal Għawdex hi li l-gżira tiddependi wisq mill-impjiegi fis-settur pubbliku. L-impjiegi f’industriji ta’ valuri miżjud huma ftit li xejn. Il-Gvern Malti qed jaħdem mhux ftit biex ixejjen dawn id-diffikultajiet mhux biss għall-SMEs iżda għal Għawdex b’mod ġenerali.

Qed naħdmu

biex intejbu l-infrastruttura u l-aċċessibilita’,

biex nagħtu aktar ċans lill-komunita’ kummerċjali u lin-negozji tagħna jimirhu,

biex nattiraw aktar investiment barrani,

biex noħolqu aktar impjiegi,

biex inżidu l-opportunitajiet fl-edukazzjoni

u biex intejbu l-prodott turistiku.

Fl-aħħar mill-aħħar irridu li tiżdied l-attivita’ ekonomika u li l-livell tal-għixien tal-Għawdxin ikompli jiżdied. Dan qed nagħmluh b’diversi modi.

Per ezempju ahna impenjati li 10 fil-mija mill-Programm ta’ Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea għal Malta – 10 fil-mija tal-fondi jridu jintużaw bilfors fi proġetti f’Għawdex – li jfisser aktar minn 130 miljun ewro.

S’issa, bil-fondi li Malta akkwistat għall-budget ta’ bejn l-2007 u l-2013, madwar 56 miljun ewro diġa’ kienu allokati għal proġetti speċifiċi li qed isiru f’Għawdex jew huma marbuta ma’ Għawdex.

Dawn il-proġetti jinkludu,

l-bini mill-ġdid tat-triq bejn l-Imġarr u r-Rabat;

il-bini tal-faċilita’ għat-trattament u t-trasferiment tal-iskart;

it-tisbiħ ta’ ġonna bħal Villa Rundle;

it-tisbiħ ta’ wirt naturali bħal Wied il-Mielaħ;

l-investiment fiċ-ċentru tal-MCAST f’Għawdex;

Fix-xhur li ġejjin se joħorġu sejħiet ġodda għat-twettiq ta’ diversi proposti bil-fondi approvati għal Malta u għal Għawdex. Inħeġġeġ lil entitajiet Għawdxin biex jibdew minn issa jħejju ruħhom u jfasslu pjani għal proġetti sabiex meta jasal il-waqt jippreżentawhom. B’hekk Għawdex ikompli jgawdi mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea u mill-fondi Ewropej li huma aċċessibbli għall-gżira.

Fil-budget għal din is-sena l-Gvern alloka 16-il miljun ewro biex jiġu investiti f’ħames zoni industrijali fil-gżejjer Maltin. Waħda minn dawk li se jgawdu minn dawn il-flus hi ż-Żona Industrijali tax-Xewkija. Barra minn hekk ninsabu fil-proċess biex fix-Xewkija stess isir park għall-intrapriżi żgħar – micro-enterprise park.

Il-Malta Enterprise wkoll qed tagħti sehmha għal Għawdex. Din fasslet numru ta’ pakketti ta’ inċentivi immirati b’mod speċifiku għal kumpaniji li joperaw f’oqsma partikolari. Dawn jinkludu krediti ta’ taxxi u għotjiet finanzjarji maħsuba biex jinkoraġixxu l-investiment u biex jiżdiedu l-impjiegi.

Tiġi f’moħħi l-iskema Micro-Invest per eżempju, li tnediet aktar kmieni din is-sena. Il-Malta Enterprise qed tinkoraġixxi intrapriżi żgħar ħafna biex jiġġeddu, jespandu u jiżviluppaw. Dan jistgħu jagħmluh billi jibqagħlhom aktar flus x’jinvestu. Permezz tal-Micro-Invest, il-kumpaniji f’Għawdex qed jingħataw ħlas lura tat-taxxa li jammonta sa 60 fil-mija – jiġifieri 20 fil-mija aktar mill-intrapriżi f’Malta.

Inħeġġiġkom tużaw skemi bħal dawn. Permezz tagħhom tkunu kapaċi tinvestu u anki toħolqu aktar xogħol u impjiegi.

Illum xtaqt nieħu l-opportunita’ li nħabbar inizjattiva ġdida li se nkunu qed nieħdu b’mod immedjat biex permezz tagħha nħeġġu intrapriżi Għawdxin jinvestu u jużaw fondi Ewropej biex jagħmlu dan. F’qasir żmien se nkunu qed nintroduċu il-Gozo Business Award – rikonoxximent għal dawk l-intrapriżi Għawdxin li jagħmlu minn kollox biex jisfruttaw bl-aħjar mod l-iskemi finanzjati bil-fondi tal-Unjoni Ewropea.

Dan l-award se jkollu ħames kategoriji u se jippremja lill-intrapriżi fuq ħames kriterji differenti... l-iżvilupp sostenibbli, is-sostenibilita’ fit-turiżmu, it-taħriġ tal-impjegati, il-ħolqien tax-xogħol u l-użu tal-enerġija. Ir-rebbieħa tal-kategoriji differenti se jingħataw b’madwar €40,000  bejniethom biex jintużaw f’kampanji ta’ marketing għall-kumpaniji u l-prodotti tagħhom.

Din l-inizjattiva hi intenzjonata biex tkompli tixpruna lill-intrapriżi żgħar u medji Għawdxin. Irridukom taħdmu, tiġġeneraw il-qliegħ, terġgħu tinvestu, u tħaddmu aktar nies. U ċ-ċiklu jkomplu.

Fl-aħħar mill-aħħar din hi l-mira ewlenija tagħna bħala Gvern. Li noħolqu x-xogħol u li nassiguraw kwalita’ tal-ħajja aħjar għaċ-ċittadini tagħna. F’Marzu li għadda l-qgħad naqas bi 3.8 fil-mija meta mqabbel max-xahar ta’ qabel. F’Għawdex ukoll naqas il-qgħad. Bi ftit veru. Imma sinjal li bdejna naraw ir-riżultati tal-ħidma li wettaqna s-sena li għaddiet u ta’ qabilha – fl-agħar tar-riċessjoni internazzjonali.

F’rapport li ppubblikat aktar kmieni dan ix-xahar, il-Kummissjoni Ewropea bassret li l-ekonomija Maltija se tirkupra mill-effetti tar-riċessjoni internazzjonali b’rata aktar mgħaġġla mill-bqija tal-pajjiżi li jużaw l-ewro.

L-inizjattivi li ħadna taw il-frott. Imma fadlilna x’naqdfu.

Rapport imfassal is-sena li għaddiet mill-ekonomisti Gordon Cordina u Stephanie Vella, f’isem il-Kunsill Reġjonali għal Għawdex fi ħdan l-MCESD, jikkonkludi li f’Għawdex hu meħtieġ li jinħolqu elfejn impjieg fuq medda ta’ snin. Ir-rapport jinsisti wkoll fuq il-ħtieġa ta’ aktar investiment barrani f’oqsma bħar-Remote Gaming, it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Farmaċewtika. Investiment bħal dan ikun ifisser impjiegi f’oqsma bi produttivita’ għolja.

Il-Kumitat ta’ Azzjoni bejn Malta u l-Unjoni Ewropea, il-MEUSAC, issa għandu uffiċċju ġdid f’Għawdex. Il-MEUSAC reġa beda jaħdem fl-2008 b’għanijiet u miri għal kollox differenti minn dawk li kellu qabel is-sħubija. Il-MEUSAC illum jagħti l-appoġġ meħtieġ lill-NGO’s biex jużaw bl-aħjar mod il-programmi u l-fondi li ġejjin mill-Unjoni Ewropea. Fil-każ ta’ Għawdex il-MEUSAC se jkun qed jgħin ukoll lill-intrapriżi żgħar u medji – l-SMEs.

Madanakollu jinħtieġ li l-SMEs u intrapriżi iżgħar jagħtu sehmhom ukoll. Iridu jibdew jużaw l-inċentivi u jidħlu għall-opportunitajiet li qed noffrulhom. Propju f’dan il-kuntest xtaqt ngħaddilkom messaġġ dwar l-importanza tal-użu tal-IT. Aħna ngħixu f’realta’ għal kollox differenti minn 30, 20 jew 15-il sena ilu. Id-dinja tal-lum, ibbażata fuq l-IT, hi saħansitra differenti minn dik ta’ 10 jew ħames snin ilu.

L-IT, il-kompjuters u l-internet, jagħtuna ċ-ċans li naħdmu mid-dar. Il-kompjuters jagħtu ċ-ċans lill-kumpaniji jibqgħu f’kuntatt regolari mas-sieħba, mas-sussidjarji u mal-klienti tagħhom f’pajjiżi oħra. Ekonomiji żgħar illum għandhom l-istess opportunitajiet daqs ekonomiji kbar.

L-SMEs Għawdxin għandhom jinvestu aktar f’servizzi on-line. Servizzi għat-turisti l-ewwel u qabel kollox. Imma mhux biss. Kumpaniji Għawdxin jistgħu jagħmlu xogħol ta’ back-office għal kumpaniji Maltin u ‘l quddiem, bi ftit ħsieb u riċerka, jistgħu jibdew joffru l-istess servizzi għal kumpaniji barranin ukoll.

Il-fatt li aħna żgħar, bl-użu tajjeb u bil-għaqal tal-IT, illum sar vantaġġ.  Ejja nisfruttaw iċ-ċokon tagħna.  Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow