Left arrow Mur Lura

INAWGURATI UFFIĊJALMENT L-UFFIĊJI REĠJONALI TAL-MEUSAC U TAL-MCESD F’GĦAWDEX

PR0910
Date Icon 19/05/2010

Fl-erba’ xhur li ilu jaħdem l-Uffiċju Reġjonali tal-MEUSAC f’Għawdex, għen biex jitfasslu u jintefgħu sitt applikazzjonijiet għal proġetti b’fondi Ewropej u b’valur komplessiv ta’ 2.3 miljun ewro. Dawn l-applikazzjonijiet intefgħu minn sitt Kunsilli Lokali differenti taħt programmi u skemi differenti.

Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari fl-Ufficcju tal-Prim Ministru, responsabbli mill-Konsultazzjoni Pubblika, l-Onor. Chris Said meta dalgħodu inawgura uffiċjalment l-Uffiċċju Reġjonali tal-MEUSAC u l-MCESD f’Għawdex. Kienu presenti wkoll il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, iċ-Chairman tal-MCESD, is-Sur Sonny Portelli, u l-Kap tal-MEUSAC, Dr. Vanni Xuereb. L-uffiċċju jinsab f’zona ċentrali tar-Rabat, fi Triq Santa Marta, u jitmexxa mis-Sur Aldo Formosa.

L-għanijiet ewlenin tal-uffiċċju huma li jagħmilha iżjed faċli għal intrapriżi żgħar u medji (SMEs), organizzazzjonijiet mhux Governattivi (NGOs) u dawk li jaħdmu għal rashom biex japplikaw u jakkwistaw kemm jista’ jkun fondi mill-Unjoni Ewropea, li jsaħħaħ id-diskussjoni fil-qasam tal-iżvilupp ta’ Għawdex, kif ukoll li jsaħħaħ il-kunċett ta’ Għawdex bħala gżira reġjun.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li l-uffiċċju twaqqaf biex fost l-oħrajn jissaħħaħ id-djalogu soċjali f’Għawdex u biex tingħata importanza akbar lill-iżvilupp ta’ din il-gżira li għandha karatteristiċi u ħtiġijiet speċifiċi.

Permezz ta’ dan l-uffiċċju, u l-ħidma tal-MCESD u l-MEUSAC, il-Gvern se jkun qed jirċievi s-suġġerimenti u l-proposti dwar is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika ta’ Għawdex mill-Għawdxin, kif ukoll isaħħaħ l-interventi permezz ta’ proġetti li jsaħħu l-ideat ta’ bejn l-imsieħba soċjali Għawdxin kollha.

Dan l-uffiċju se jservi bħala back-office tal-Kunsill Reġjonali għal Għawdex fi ħdan l-MCESD li twaqqaf ftit aktar minn sena ilu. F’dan il-Kunsill hemm rappreżentati l-korpi kostitwiti kollha Għawdxin.

Fir-rigward tal-MEUSAC, dan l-uffiċċju għandu wkoll il-funzjoni li jorganizza sessjonijiet ta’ tagħrif dwar is-sejħiet għall-applikazzjonijiet għal proġetti b’fondi mill-Unjoni Ewropea, kif ukoll jipprovdi assistenza oħra qabel jiddaħħlu l-applikazzjonijiet.

Dawn il-funzjonijiet diġa bdew jintlaħqu. Mid-19-il applikazzjoni li fix-xhur li għaddew intefgħu bl-għajnuna tal-MEUSAC, sabiex isiru proġetti fil-qasam tat-Turiżmu bil-Fondi Strutturali, l-Uffiċju Reġjonali ta’ Għawdex għen f’ħamsa. Dawn l-applikazzjonijiet intefgħu mill-Kunsilli Lokali tax-Xagħra, tan-Nadur, tax-Xewkija, ta’ San Lawrenz u tal-Munxar. Bejniethom dawn il-proġetti għandhom valur ta’ 1.7 miljun ewro u bihom mistennija jsiru proġetti ta’ tisbiħ tal-ambjent u l-pajsaġġ Malti.

L-Uffiċju Reġjonali tal-MEUSAC f’Għawdex għen ukoll biex il-Kunsill Lokali Għarb tefa’ applikazzjoni għal proġett taħt il-Programm ta’ Koperazzjoni Territorjali Italja-Malta 2007-2013. Il-Kunsill Lokali Għarb qed jitlob li jingħata qrib is-€600,000  biex flimkien ma’ sieħeb Malti u ma’ erba’ sieħba oħra Ewropej, iwettaq studju fuq il-bio-diversita’ u fuq it-tkabbir ta’ prodotti tal-biedja.

L-Uffiċju Reġjonali tal-MEUSAC f’Għawdex għen ukoll biex entitajiet bħall-Gozo Business Chamber jingħataw ko-finanzjament għal żewġ proġetti taħt l-istess Programm ta’ Koperazzjoni Territorjali Italja-Malta. Il-proġetti se jiffukaw fuq l-SMEs u fuq it-trasport bejn Sqallija u Għawdex. L-MCESD se jkun wieħed mill-imsieħba tal-Gozo Business Chamber f’dawn iż-żewg proġetti.

Fix-xhur li għaddew l-istess uffiċju ta għajnuna lil numru sostanzjali ta’ intrapriżi żgħar u medji li applikaw għall-iskemi maħruġa mill-Malta Enterprise b’fondi maħruġa mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew. Chris Said sostna li dan juri kemm it-twaqqif ta’ Uffiċju Reġjonali tal-MEUSAC u tal-MCESD f’Għawdex kien f’waqtu.

Il-Ministru għal Għawdex, Giovanna Debono, li kienet preżenti wkoll għall-inawgurazzjoni ta’ dan l-uffiċċju, spjegat kif proċess ta’ deċiżjonijiet u inizjattivi, servew ta’ ġid għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta’ Għawdex.

It-twaqqif tal-Ministeru għal Għawdex flimkien ma’ l-inizjattiva meħuda mill-istess Ministeru fit-twaqqif tal-Gozo Tourism Association (GTA) u l-Gozo Business Chamber (GBC) kien strumentali biex inbdiet kollaborazzjoni li tejbet mhux ftit is-setturi ekonomiċi tal-gżira.

Hija qalet li t-twaqqif ta’ l-uffiċċju tal-MEUSAC f’Għawdex isegwi f’dan il-proċess u jassumi importanza partikolari minħabba l-għajnuna li jagħti fost l-oħrajn lill-kunsilli lokali u l-għaqdiet mhux governattivi, sabiex dawn jagħmlu użu sħiħ mill-programmi ta’ għajnuna ta’ l-Unjoni Ewropea. Hija qalet li dan l-uffiċċju għandu jkompli jgħin biex f’Għawdex isiru aktar proġetti għall-aħjar żvilupp soċjali u ekonomiku tal-gżira.

Il-Ministru għal Għawdex żiedet tgħid li biex il-viżjoni tal-Gvern li jagħmel minn Għawdex gżira ekoloġika, issegwi pjan ħolistiku: kull entità soċjali, irrispettivament hix governattiva jew le, għandha tħoss ir-responsabbiltà u d-dover li tikkontribwixxi għal din il-viżjoni. Qalet li għaldaqstant kemm il-MEUSAC kif ukoll l-MCESD jistgħu jagħtu kontribut siewi għat-twettiq ta’ din il-viżjoni.

“Il-Gvern huwa kommess li jkompli jagħmel mill-Unjoni Ewropea għodda importanti u qawwija biex inkomplu ntejbu l-ħiliet u nkabbru l-potenzjal taċ-ċittadin.  Għalhekk ilkoll kemm aħna għandna nfittxu l-aħjar metodi kif nisfruttaw kemm jista’ jkun l-opportunitajiet li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fetħitilna.  B’hekk il-MEUSAC għandu rwol importanti li jipprovdi aktar informazzjoni u assistenza teknika saħansitra lis-settur privat f’dan ir-rigward”,  temmet tgħid il-Ministru Giovanna Debono.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow