Left arrow Go Back

STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U FAMILJA

PR0906
Date Icon 19/05/2010

INTERESS KBIR FL-APPARTAMENTI LI L-GVERN ĦAREĠ GĦALL-BEJGĦ

Aktar minn 300 ġabru applikazzjonijiet għax-xiri ta’ appartamenti tal-Gvern li ħarġu għall-bejgħ il-ġimgħa li għaddiet wara li mijiet ta’ persuni interessati żaru dawn l-appartamenti u maisonettes f’ ”open weekend” fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

L-istqarrija ta’ kritika tal-oppożizzjoni dwar dawn l-appartamenti tistona mar-rispons pożittiv li kien hemm mill-pubbliku.

L-appartamenti, maisonettes jew garaxxijiet li l-Awtorita’ tad-Djar ħarġet għall-bejgħ il-ġimgħa li għaddiet huma kollha sussidjati b’mill-anqas 25% tal-prezz li diġa’ hu anqas mill-prezz tas-suq għal proprjeta’ simili fl-istess lokalitajiet.

Numru minn dawn l-appartamenti kienu diġa’ ħarġu għal bejgħ f’sejħiet oħra tal-Awtorita’ tad-Djar u fil-fatt kien hemm għadd ġmielu ta’ koppji interessati fihom u bdew taħdidiet mal-Awtorità. Sfortunatament fost il-persuni interessati li kienu applikaw għalihom, ma resqux ‘l quddiem minħabba li ħassru l-għerusija jew koppji li infirdu, oħrajn għax ma ssodisfawx il-kundizzjonijiet rikjesti minnhom.

Raġunijiet oħra li numru minn dawn l-appartamenti ma nbiegħux kienu għax l-applikanti ma kienux jikkwalifikaw għal għajnuna billi kellhom dħul ogħla minn dak stipulat fl-avviż tal-bejgħ jew għax sabu li kienu żgħar għal dak li kienu jinħtieġu.

Il-Gvern, permezz tal-Awtorita’ tad-Djar ma jara xejn ħażin li appartamenti li ma jkunux inxtraw jerġa’ joħroġhom għal bejgħ b’kundizzjonijiet aktar favorevoli kif qed isir f’dan il-każ.

Mhux veru li l-prezzijiet mitluba għal dawn l-appartamenti hu fl-istess livell tal-prezzijiet tas-suq. Fil-fatt l-Awtorita’ tad-Djar qabel ma stabbiliet il-prezzijiet għalihom, rat xi prezzijiet qed joffri s-suq fl-istess lokalitajiet u għall-istess tip ta’ proprjeta’, u naqqset dan il-prezz tas-suq f’ċerti każi sa 5% u mbagħad reġgħet irriduċiet dawn il-prezzijiet b’25% taħt forma ta’ sussidju.

Għalhekk l-istqarrija li ħareġ il-kelliem tal-Oppozizzjoni dwar il-Housing, Roderick Galdes hi fattwalment żbaljata u l-kummenti li l-Awtorita’ kellha min-nies li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet urew interess u marru jaraw dawn l-appartamenti kienu kuntrarju għal dak li jsostni fl-istqarrija tiegħu l-kelliem tal-Oppozizzjoni.

L-Awtorità tad-Djar kontinwament tindirizza l-ħtiġijiet tal-klijenti tagħha li fosthom hemm nies li jifilħu jsiru sidien ta’ darhom bl-għajnuna tal-Gvern u oħrajn li jinghataw ghajnuna biex jikru l-postijiet. Kull sena l-Awtorità tapprova madwar 400 talba li jkollha biex tgħin nies jikru akkomodazzjoni diċenti u qed tiżviluppa skemi oħra biex tkun tista’ tgħin lil din il-faxxa ta’ nies.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow