IL-BUDGET GĦALL-KUMITATI AMMINISTRATTIVI SE JKUN TA’ €1.8 MILJUN FIS-SENA
JIBDEW 25 SIEGĦA TA’ TAĦRIĠ GĦALL-MEMBRI ELETTI FIL-KUMITATI AMMINISTRATTIVI
Il-budget komplessiv għas-16-il Kumitat Amministrattiv fil-gżejjer Maltin, li nħolqu permezz tal-proċess ta’ tiġdid tal-Kunsilli Lokali, jammonta għal €1.8 miljun. Fil-ġimgħat li ġejjin se tinħareġ skema ta’ fondi apposta li minnha jistgħu igawdu b’mod esklussiv il-Kumitati Amministrattivi fl-ewwel sitt xhur tal-ħidma tagħhom.
Id-deċiżjonijiet dwar dan kollu ttieħdu f’dawn l-aħħar jiem u kienu komunikati mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali, l-Onor. Chris Said, meta ndirizza l-ewwel laqgħa ta’ taħriġ għall-membri eletti fil-Kumitati Amministrattivi. Chris Said qal li l-Kumitati Amministrattivi se jkollhom il-possibilita’ li jużaw fondi oħra hekk kif se jkollhom aċċess għal madwar €40 miljun addizzjonali fis-sena.
Dawn il-fondi jistgħu jinkisbu billi l-Kunsilli Lokali jew il-Kumitati Amministrattivi japplikaw għal waħda mill-25 skema amministrati mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali, mill-Fond għall-Iżvilupp Urban jew mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.
Fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed jingħataw madwar 25 siegħa ta’ taħriġ lill-membri tal-Kumitati Amministrattivi. Wieħed mill-korsijiet se jsir f’Għawdex u se jkun indirizzat għall-membri eletti fil-kumitati ta’ Marsalforn, ix-Xlendi u Santa Luċija.
F’Marzu li għadda kienu eletti l-ewwel 40 membru fi tmien komunitajiet differenti. It-tieni grupp ta’ elezzjonijiet se jsiru fil-5 ta’ Ġunju li ġej. Ladarba jitlesta ir-round ta’ elezzjonijiet li jmiss, 80 ruħ se jkunu qed iservu f’16-il kumitat amministrattiv differenti. Chris Said saħaq li l-membri eletti fil-Kumitati Amministrattivi għandhom responsabbiltajiet importanti lejn ir-residenti u l-komunitajiet li eleġġewhom. Hu importanti li jitħarrġu biex jaqdu dmirijiethom b’reqqa fl-interess tal-komunitajiet li jirrappreżentaw.
Is-Segretarju Parlamentari tkellem fuq l-importanza li kull membru elett ikun jaf il-Liġi tal-Kunsilli Lokali li hi l-istess liġi li tirregola l-Kumitati Amministrattivi. Hu tkellem ukoll dwar il-kodiċi ta’ etika u dwar ir-rwol essenzjali tas-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali fil-ħidma tal-Kumitat Amministrattiv.
Chris Said spjega r-raġunijiet wara t-twaqqif tal-Kumitati Amministrattivi. Waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni lejn it-tiġdid tal-Kunsilli Lokali kienu tressqu suġġerimenti fuq it-twaqqif ta’ kumitati biex jamministraw komunitajiet żgħar fi ħdan lokalitajiet akbar. B’hekk il-komunitajiet iż-żgħar, li għandhom identita’ distinta mir-raħal jew belt li jagħmlu parti minnha, se jkollhom rappreżentanza xierqa u sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet li l-aktar jolqtuhom direttament.
Chris Said ħeġġeġ lill-membri eletti biex jibdew jidentifikaw proġetti mportanti li jistgħu jitwettqu jew li huma meħtieġa fil-komunitajiet tagħhom. Il-proġetti jistgħu ivarjaw minn xogħol infrastrutturali, irranġar ta’ spazji pubbliċi, jew l-organizzazzjoni ta’ korsijiet jew skemi ta’ taħriġ bi sħab mal-Employment and Training Corporation (ETC) li jistgħu jitqiesu bħala investiment fir-riżorsi umani.
Hu ħeġġiġhom ukoll ifittxu li jisfruttaw l-iskemi u l-fondi tal-Unjoni Ewropea biex iwettqu proġetti ta’ fejda għall-komunita’. F’dan il-kuntest Chris Said semma l-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-Kunsilli Lokali li qed jgħin lill-Gvernijiet Lokali biex iwettqu sal-aħħar, proġetti importanti b’fondi Ewropej mingħajr ma jkollhom għalfejn imissu l-allokazzjoni li jirċievu kull sena b’mod awtomatiku mill-Gvern. Is-Segretarju Parlamentari Said spjega kif se jaħdmu l-Kumitati Amministrattivi, semma x’inhuma r-responsabbiltajiet tagħhom, u rrefera għal-Linji Direttivi li diġa’ tqassmu lis-Segretarji Eżekuttivi u lill-membri eletti tal-komunitajiet li vvutaw f’Marzu li għaddu.
Kelliema ewlenin waqt il-korsijiet għall-membri tal-Kumitati Amministrattivi jinkludu lill-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali - Michael Cohen, is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi - John Farrugia, is-Sindku ta’ Tal-Pieta’ - Malcolm Mifsud, u Jesmond Friggieri li hu konsulent dwar it-taħriġ u l-ħiliet fit-tmexxija.
F’Marzu li għadda saru l-elezzjonijiet fi tmien komunitajiet fosthom: Fleur-de-Lys, Bubaqra, Kappara, il-Madliena, Paceville, Santa Luċija, ix-Xlendi u Marsalforn. Fil-5 ta’ Ġunju li ġej, imiss li jsiru l-elezzjonijiet fi Gwardamangia, fis-Swatar, fil-Baħrija, f’Baħar iċ-Ċagħaq, f’St Peter's f'Ħaż-Żabbar, f’Tal-Virtu', f’Burmarrad u f’Ħal Farruġ.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990