DISKORS TAL-ONOR JOE CASSAR MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, WAQT IT-TNEDIJA TAL-MAGAZINE HELPING HANDS DWAR IL-KANĊER TAS-SIDER – IL-BELT VALLETTA – IT-TLIETA 18 TA’ MEJJU 2010
Ilum iltqajna hawn għal bidu mhux tas-soltu, u fil-fatt aktar kmieni mis-soltu, tal-kampanja dwar il-kanċer tas-sider, u li twassalna sa Ottubru li huwa ix-xahar iddedikat għal prevenzjoni u promozzjoni kontra din il-marda.
Hawn Malta ikollna mal-220 każ tal-kanċer tas-sider fin-nisa fis-sena. Dan iġib trawma għal daqstant familji, iżda għandi l-pjaċir ngħid li r-rata tal-mewt minn din il-marda naqset u qed tkompli tonqos. Riċerka turi li dan huwa riżultat mhux biss tal-kura eċċellenti minn tobba u professjonisti oħra fis-saħħa f’dan il-qasam, iżda wkoll mill-fatt li n-nisa qed imorru għand it-tabib malli jindunaw bil-problema u mhux iħallu għall-aħħar.
Dan juri wkoll li l-kampanji ta’ informazzjoni li jsiru b’mod regolari qegħdin jaħdmu u l-messaġġ qed jasal. Id-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni ta’ mard jaħdem biex iqajjem kuxjenza dwar il-kanċer tas-sider, kif mara tinduna minn kmieni bil-marda, u tagħmel kull ma jkun hemm bżonn mill-ewwel.
Il-messaġġ tagħna jibqa’ dejjem li ninkorraġġixxu lin-nisa kollha li jeżaminaw lilhom infushom regolarment u li jmorru għand it-tabib malli jindunaw b’xi bidla fis-sider.
Irridu naraw aktar u aktar nisa li qed jiġu msejħa biex imorru għal-iscreening programme tal-mammogram biex jattendu. Dan is-servizz jista’ wkoll isalva ’l ħajja u jnaqqas mill-bżonn ta’ miżuri aktar ħorox f’dik li hi kura.
Nirringrazzja lill Helping Hands għal dan il-ħsieb u x-xogħol kollu li għamlu biex dan il-magazine sar realta`, u nawguralhom kull suċċess f’dak kollu li qedgħin jagħmlu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990