16-IL ROTTA ĠDIDA FL-2010 MINN U LEJN MALTA
Matul din is-sena bdew joperaw 16-il rotta ġdida minn u lejn Malta. Wara li llum waqqfet bażi f’Malta, il-kumpanija Ryanair qed tintroduċi 6 rotot ġodda lejn Billund fid-Danimarka; Krakovja fil-Polonja (fis-Sajf); Marsilja fi Franza; Sevilja u Valencia fi Spanja u Bologna fl-Italja.
Dawn barra żewġ rotot ġodda li ntroduċiet għal Leeds Bradford u Bournemouth. Il-kumpannija Easyjet introduċiet rotot ġodda għal Ruma, Malpensa Milan; u Liverpool; Il-BMI Baby introduċiet rotta għal East Midlands filwaqt li Norwegian introduċiet rotot għal Oslo u Copenhagen. L-Air Malta ntroduċiet żewġ rotot ġodda għal Turin u Ġenoa.
Minn dawn ir-rotot 14 bdew joperaw filwaqt li tnejn oħra ser jibdew joperaw fl-aħħar ta’ Mejju u fl-aħħar ta’ Ġunju.
Permezz ta’ dawn ir-rotot Malta hi issa kollegata ma’ 76 ajruport fl-Ewropa, l-Afrika ta’ Fuq, il-Lvant Nofsani u l-pajjiżi tal-Golf. Dawn ma jinkludux titjiriet ‘chartered’.
Taħlita tajba ta’ passiġġieri li jaslu pajjiżna permezz tal-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta, linji tal-ajru tradizzjonali (legacy airlines) u linji tal-ajru ‘low-cost’ huma l-aqwa garanzija għall-futur tal-industrja turistika f’pajjiżna.
Is-sena li għaddiet 66.4 fil-mija tal-passiġġieri waslu u telqu minn Malta fuq il-linji tal-ajru tradizzjonali; 22.95% ġew permezz tal-linji tal-ajru ‘low-cost’ u 10.7% ġew b’titjiriet ‘chartered’.
Filwaqt li l-linja nazzjonali tal-ajru tagħna tibqa’ l-garanzija għat-trasport bl-ajru ta’ pajjiżna, il-linji ‘low-cost’ qegħdin bla dubbju jikkontribwixxu biex isaħħu s-settur turistiku, anki matul żminijiet diffiċli bħal dawk li għaddejna minnhom is-sena li għaddiet.
Il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta fl-aħħar tliet snin żiedet s-sehem tagħha fis-suq ta’ passiġġieri li jiġu u jitilqu minn Malta meta kellha dawn il-movimenti:
2007: 1,629,343 (54.85% sehem tas-suq)
2008: 1,740,410 (56.00% sehem tas-suq)
2009: 1,638,641 (56.10% sehem tas-suq).
Il-linji tal-ajru ‘low-cost’ fl-2007 ġabu u ħadu minn Malta 400,323 passiġġier li telgħu għal 668,269 passiġġier is-sena l-oħra. Is-sena l-oħra, minkejja l-kriżi fis-settur turistiku internazzjonali, il-linji tal-ajru ‘low-cost’ żiedu s-sehem tagħhom ta’ moviment tal-passiġġieru bi 2.3%.
Fl-aħħar xahrejn pajjiżna kellu jħabbat wiċċu mal-kriżi vulkanika li wasslet biex f’April intilfu 336 titjira u f’Mejju 16-il titjira. Hu stmat li dawn wasslu għal telf ta’ madwar €11-il miljun f’infieq mit-turisti.
Il-Gvern jemmen li pajjiż bħal tagħna li jiddependi mill-ajru għal 98 fil-mija tal-passiġġieri kollha li jiġu u jitilqu minn Malta għandu jkompli jifrex id-destinazzjonijiet u r-rotot tiegħu.
Permezz ta’ iktar linji tal-ajru u iktar rotot li bdew jiġu operati minn u lejn Malta mill-ewwel tas-sena ’l hawn, in-numru ta’ ‘seats’ fuq l-ajruplani mistennija li din is-sena jiżdiedu b’220,000, jew b’7.5 fil-mija fuq is-sena l-oħra għal 3,168,000.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990