IL-GVERN MALTI JIFFIRMA ŻEWĠ FTEHIM BILATERALI MAL-EĠITTU
Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Dr Tonio Borg iffirma żewġ ftehim bilaterali mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Eġizzjan, Ahmed Aboul Gheit, waqt żjara ta’ jumejn fl-Eġittu. Matul iż-żjara Dr Borg kellu taħditiet ukoll mal-Prim Ministru Eġizzjan, Dr Ahmed Nazif u s-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, Amr Moussa.
Il-ftehim iffirmati il-bierah jinkludu: Memorandum of Understanding għat-Tneħħija tal-Viża għas-Servizzi Diplomatiċi u Passaporti Speċjali; u Memorandum of Understanding dwar il-Koperazzjoni fuq iż-Żgħażagħ. Malta u l-Eġittu diġa’ għandhom 11-il ftehim bilaterali li huma operattivi. Dawn l-arranġamenti jinkludu oqsma bħal: servizzi tal-ajru; servizzi kulturali; koperazzjoni teknika u xjentifika; turiżmu; u ftehim dwar it-tassazzjoni doppja.
Il-Memorandum of Understanding dwar il-Koperazzjoni fuq iż-Żgħażagħ kien deskritt mill-Viċi Prim Ministru bħala l-bidu għat-twettieq ta’ inizjattivi miż-żewġ pajjiżi biex isaħħu r-relazzjonijiet fil-qasam taż-żgħażagħ. Malta u l-Eġittu għandhom ħafna potenzjal x’joffru lil xulxin għall-ġid taż-żgħażagħ.
Dwar l-opportunitajiet ta’ investiment u kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi, il-Viċi Prim Ministru semma r-relazzjonijiet bilaterali tajbin, li fil-fehma tiegħu jistgħu jissaħħu dejjem iżjed. Huwa tkellem ukoll dwar l-Ambaxxata Maltija fil-Kajr u semma l-ħidma attiva tagħha sabiex tippromwovi l-interessi ta’ Malta fir-rigward tal-investiment u t-turiżmu.
L-Ambaxxata twettaq b’mod regolari laqgħat ma’ rappreżentanti lokali fil-qasam tal-investimenti u l-kummerċ. Dan l-aħħar l-Ambaxxata organizzat seminar li fih laqqgħat rappreżentanti għolja tal-operaturi turistiċi Eġizzjani. Attività oħra rat il-parteċipazzjoni ta’ konsulenti legali Eġizzjani u barranin f’seminar organizzat mill-Ambaxxata u mir-rappreżentanza ta’ bank Malti fl-Eġittu, dwar is-servizzi finanzjarji u l-permessi ta’ residenza offruti minn Malta.
Fl-2009 kien hemm żieda fit-traffiku reġistrat fil-ħruġ ta’ viża bejn Malta u l-Eġittu meta mqabbel mal-2008. Bis-saħħa ta’ titjiriet kull ġimgħa, iċ-ċifri żdiedu sew. F’Malta hawn 67 kumpanija reġistrati minn sidien Eġizzjani.
Il-Viċi Prim Ministru stqarr li Malta għandha interess qawwi fil-Maltese-Egyptian Business Council u pajjiżna diġà nnomina l-membri. Huwa awgura li fil-futur qarib dan il-Kunsill jibda jaħdem sabiex jiffaċilità u jsaħħaħ ir-rabtiet kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi.
Dr Tonio Borg qal li r-rabtiet bejn iż-żewġ pajjiżi huma diġà iffaċilitati b’titjiriet diretti li ilhom iseħħu tul dawn l-aħħar sentejn. Qal li jittama li dawn it-titjiriet jissarfu f’aktar opportunitajiet kemm għall-Malta kif ukoll għall-Eġittu. Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu għat-tielet titjira mill-Kajr għall-Malta li ilha topera għal dawn l-aħħar ġimgħat, u fl-istess waqt huwa entużjast li jkun hemm titjiriet diretti kuljum sal-2012. F’dawn il-laqgħat issemma wkoll il-potenzjal ta’ Malta fit-tagħlim tal-Ingliż lill-studenti barranin.
Iż-żewġ naħat iddiskutew ukoll materji politiċi fosthom dwar ir-relazzjoni bejn l-Ewropa u d-dinja Għarbija. Il-Viċi Prim Ministru qal li Malta bħala parti mill-familja ewropea tilgħab rwol importanti fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-Istati Għarab. Il-Vici Prim Ministru Borg qal li Malta hija f’posizzjoni tajba sabiex tagħti kontribut għal dan it-tisħiħ. Għal dan il-għan Dr Borg irrefera għal ftuħ tal-Uffiċċju Konġunt bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Lega Għarbija li gie inawgurat f’Malta f’Ottubru li għadda.
Informazzjoni dwar l-Eġittu:
L-Eġittu għandha popolazzjoni ta’ ‘l fuq minn 80 miljun persuna. B’rata ta’ tkabbir fl-2009 ta’ 1.64 fil-mija, u b’rata ta’ qagħd ta’ 8.4 fil-mija, li laħqet iż-żewġ miljun persuna bla xogħol.
Malta esportat iktar 3 miljun ewro lejn l-Eġittu fl-2009, u impurtat bi 17-il miljun ewro f’affarijiet.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990