JINŻEL IS-SIPARJU FUQ LEJLET LAPSI - NOTTE GOZITANA 2010
Kunċert strumentali mill-Gozo Youth Band and Orchestra l-bieraħ filgħaxija ġab fi tmiemhom l-attivitajiet marbuta ma’ l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Lejlet Lapsi - Notte Gozitana, avveniment li daħal fil-kalendarju kulturali annwali tal-gżira Għawdxija.
Il-programm tal-Ħadd kompla jżid ma’ l-atmosfera ta’ festa kulturali li kienet ilha għaddejja matul il-jumejn ta’ qabel. Il-Wings on Gozo - wirja akrobatika minn erba’ bdoti Taljani pprovdiet spettaklu mhux tas-soltu lil dawk kollha li kienu qed jarawha miċ-Ċittadella u diversi nħawi oħra f’Għawdex. Wirja ta’ tjur tal-priża mill-għaqda Federicus Rex ġiet imtellgħa fil-Pjazza tal-Katidral u kienet ukoll attrazzjoni differenti f’din il-pjazza.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex żaret id-diversi attivitajiet li kienu għaddejjin f’diversi nħawi tar-Rabat. Fost dawn kien hemm il-Gozo Scouts Tattoo bil-parteċipazzjoni ta’ erba’ gruppi tal-Iscouts, fosthom is-Sea Scouts tal-Imsida, il-Marsa Scouts Pipes and Dreams, u l-baned tal-Iscouts tal-Mosta u San Ġwann, li mmarċjaw minn postijiet differenti madwar ir-Rabat u ltaqgħu fil-Misraħ tal-Katidral, fiċ-Ċittadella.
Saret ukoll lecture dwar Għawdex matul il-gwerra fix-xelter tat-Telgħa tal-Kastell, li offriet ukoll opportunità għal dawk preżenti biex iżuru x-xelters li kienu jintużaw fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-grupp ta’ Sbandieratori Maestri minn Sqallija kellhom l-aħħar parata minn Misraħ Savina sal-Misraħ tal-Katidral, filwaqt li fil-Ġnien ta’ Villa Rundle kien hemm il-Fiera Annwali tal-Karozzi mtellgħa minn Kerċem Ajax.
F’kumment li tat, il-Ministru Giovanna Debono qalet li kienet sodisfatta ferm bil-mod kif din ir-raba’ edizzjoni ta’ Lejlet Lapsi - Notte Gozitana ġiet organizzata. “Ta’ sodisfazzjon huwa l-fatt li din l-edizzjoni kienet imtellgħa minn impjegati fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u kienet xhieda tal-ħiliet u l-kompetenzi tar-riżorsi umani f’Għawdex. Dan jgħodd ukoll għat-talent artistiku lokali li joffri livell ta’ kwalità f’kull qasam,” temmet tgħid il-Ministru Debono.
Għal darb’oħra l-belt Victoria kienet ċentru ta’ attivitajiet li jinteressaw lil kulħadd, b’wirjiet, attivitajiet kulturali, taħdidiet, animazzjonijiet artistiċi u għadd ta’ ħwejjeġ oħra li jappellaw għal pubbliku ta’ kull età, flimkien ma’ kunċerti mużikali bil-parteċipazzjoni ta’ kantanti stabbiliti u wirjiet ta’ żfin li attiraw attendenza numeruża madwar il-palkijiet fejn ġew imtellgħin.
L-attivita’ Lejlet Lapsi - Notte Gozitana 2010, kienet suċċess ieħor li ġie milqugħ mill-Għawdxin, mill-Maltin u mit-turisti, li kellhom kliem ta’ tifhir għal mod kif kien koordinat u preżentat il-programm matul dawn it-tliet ijiem.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990