STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA DWAR IL-’YOUTH IN ACTION’ U L-‘LIFELONG LEARNING’ PROGRAMMES TAL-2010
Il-Kummissjoni Ewropea infurmat lill-Aġenzija li hi nkarigata mill-programmi tal-Unjoni Ewropea (EUPA) fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, li kienet qed tissospendi temporanjament l-azzjonijiet li jaqgħu taħt il-Youth in Action u l-Lifelong Learning Programmes tal-2010.
Dan qed isir bi prekawzjoni sakemm tkun sodisfatta li l-miżuri kollha ta’ assikurazzjoni ikunu adotatti mill-Aġenzija EUPA.
Il-Kummissjoni talbet informazzjoni mingħand l-Aġenzija dwar miżuri konkreti li ttieħdu jew hemm ippjanat li jittieħdu. Kull sena, awdituri indipendenti jagħmlu verifiki tal-finanzi u s-sistemi u wara jagħmlu rapport b’numru ta’ rakkomandazzjonijiet biex jassiguraw kontrolli operattivi u finanzjarji li jkun hemm bżonn jiġu mplimentati.
L-EUPA qed taħdem bla waqfien biex taġġorna l-proċeduri bl-iskop li tassigura li jkollha sistema ta’ rappurtaġġ kif rakkomandat mill-Awdituri u l-Kummissjoni Ewropea. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja hu kommess li jassigura li dawn ir-rakkomandazzjonijiet ikunu implimentati.
Filwaqt li esprimiet id-diżappunt tagħha dwar din is-sospensjoni, il-Ministru Dolores Cristina tat struzzjonijiet lill-uffiċjali tal-Ministeru biex, immexxija mis-Segretarju Permanenti, jieħdu l-passi kollha meħtieġa immedjatament. Fil-ġimgħat li ġejjin il-Kummissjoni mistennija tinforma l-Ministeru x’għandu jsir biex il-programmi milquta jkunu jistgħu jitkomplew f’qasir żmien.
Il-Kummissjoni talbet lill-EUPA biex tkompli tonora l-obbligi kuntrattwali li daħlet għalihom fis-sejħiet preċedenti kemm tal-Youth in Action kif ukoll tal-Life Long Learning.
Il-parteċipazzjoni tal-organizazzjonijiet u individwi Maltin fil-programm ċentrali tal-Life Long Learning mhux se jkunu affettwati. Il-mobilita’ ta’ parteċipanti barranin f’dawn il-programmi, li kellhom jiġu f’Malta, ukoll mhux se tkun milquta.
Kull min għandu xi diffikulta jew jixtieq kjarifiki dwar din il-kwistjoni huwa mitlub iċempel fuq in-numru tat-telefon 2558 6130 għal aktar tagħrif.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990