Left arrow Go Back

L-AĦĦAR PREPARAMENTI GĦAL-LEJLET LAPSI, NOTTE GOZITANA 2010

PR0855
Date Icon 12/05/2010

Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, dalgħodu żaret iċ-Ċittadella u postijiet oħra, fejn jinsabu għaddejjin l-aħħar tħejjijiet għall-avveniment ta’ din is-sena ta’ Lejlet Lapsi, Notte Gozitana, li se jkun imtella’ bejn il-Ġimgħa 14 u l-Ħadd 16 ta’ Mejju.

Ir-residenti Għawdxin u dawk li jagħżlu jżuru l-gżira Għawdxija matul il-jiem li fihom il-Ministeru għal Għawdex se jkun qed jorganizza għar-raba’ sena Lejlet Lapsi Notte Gozitana, se jkollhom għażla kbira u tassew varjetà ta’ attivitajiet x’jattendu. Il-belt Victoria għal darb’oħra se terġa’ tkun iċ-ċentru tal-attivitajiet, b’wirjiet, attivitajiet kulturali, taħdidiet, animazzjonijiet artistiċi, wirjiet pubbliċi u għadd ta’ ħwejjeġ oħra li jappellaw għal pubbliku ta’ kull età.

Filwaqt li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet infetħu wirjiet u ttellgħu xi attivitajiet bħala preludju għal Lejlet Lapsi, il-programm għal din is-sena ser jiftaħ nhar il-Ġimgħa filgħodu b’attività kbira għat-tfal ta’ l-iskejjel kollha f’Għawdex. L-attrazzjonijiet prinċipali jkomplu filgħaxija permezz ta’ l-ispettaklu Music in the Air, li jinkludi mużika, żfin u l-parteċipazzjoni tal-Pioneer Aerobatic Team mill-Italja. Il-grupp ta’ erba’ bdoti li jsuqu tip ta’ ajruplani żgħar jagħmel wirjiet ta’ preċiżjoni f’formazzjoni kompatta. Il-wirja tagħhom hija diskritta bħala żifna sinkronizzata fl-ajru. Il-mużika, duħħan ikkulurit u effetti pirotekniċi ser jikkumplimentaw ir-ritmu u l-preċiżjoni tal-bdoti li żgur ser jissummaw lil dawk kollha li ser ikunu qed jarawhom. Sadanittant ser ikun hemm trasport ipprovdut mill-Venda tal-Karozzi tal-Linja fir-Rabat għal Triq Papa Ġwanni Pawlu II fejn ser tinżamm din l-attrazzjoni, li jibda mis-6.45 p.m. ‘il quddiem.

Is-serata tkompli bil-parteċipazzjoni ta’ diversi kantanti u żeffiena Maltin u Għawdxin waqt rappreżentazzjoni ta’ silta mix-show ‘Dejjem Tagħna’. Fost il-kantanti ewlenin li se jieħdu sehem, se jkun hemm Claudette Pace, Ludwig Galea, Olivia Lewis u Debbie Scerri.

Il-programm tas-Sibt u l-Ħadd huwa maħsub li joffri esperjenzi kulturali u divertiment lit-tfal, żgħażagħ u anki kbar. Attrazzjoni ewlenija ser tkun iċ-Ċittadella fejn ser ikun hemm il-Castle Gardens u attivitajiet oħra li huma maħsuba li jipproġettaw dak li ser ikun il-futur ta’ Għawdex bħala gżira ekoloġika.

Grazzi għall-koperazzjoni minn għadd ta’ entitajiet oħra, mhux biss l-ivvjaġġar lejn Għawdex għandu jkun aktar faċli, iżda wkoll il-koordinazzjoni u l-arranġamenti għall-parkeġġ huma maħsuba li jkunu aġevolati. Fil-fatt se jkun hemm servizz kontinwu (shuttle) b’xejn bejn l-Imġarr u r-Rabat, matul il-ġurnata kollha u li jibqa’ għaddej sas-1 a.m. il-Ġimgħa u sat-3 a.m. tas-Sibt bil-lejl.

Passiġġieri li jivvjaġġaw lejn Għawdex bil-baħar il-Ġimgħa, 14 ta’ Mejju, bejn 11.30 p.m. u 5.00 a.m. se jagħmlu dan mingħajr ħlas. Anki n-noll għal karozza u xufier tnaqqas għal €12. Is-Sibt, passiġġieri li jivvjaġġaw iħallsu €1.40 kull persuna waqt li n-noll għal karozza u xufier tnaqqas għal €8.40.

Se jiżdiedu l-vjaġġi bejn il-gżejjer matul il-lejl tal-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd filgħodu fis-2.30 a.m. mill-Imġarr u fit-3.05 a.m. miċ-Ċirkewwa.

Dawn l-attivitajiet kollha huma miftuħa għall-pubbliku u huma mingħajr ħlas. Dawk li jixtiequ jaraw il-programm sħiħ ta’ l-attivitajiet jistgħu jagħmlu dan billi jidħlu fuq is-siti elettroniċi www.gozoculture.com  jew www.gozo.gov.mt.  Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb ukoll mil-linja telefonika 2215-6700 jew email info@gozoculture.com. 

.../... activities for children -notte.pdf   

Citadel programme–notte.pdf

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow