BEJGĦ TA’ DJAR - AVVIŻ NUMRU 75 TAL-AWTORITA’ TAD-DJAR - 12 TA’ MEJJU 2010
Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, l-Onor. Dolores Cristina, flimkien maċ-Chairman tal-Awtorita’ tad-Djar is-Sur Charles Borg ħabbru skema ta’ bejgħ ta’ djar bi prezz issussidjat f’diversi lokalitajiet f’Malta.
Iċ-Chairman tal-Awtorita’ qal li ħafna jkunu qed jistennew lill-Awtorita’ tad-Djar toħroġ il-postijiet għall-bejgħ għax matul is-sena kien hemm domanda qawwija. Barra s-sussidju li qed jingħata, li jammonta għal madwar €3 miljuni fuq il-postijiet kollha, l-Awtorita’ naqqset ukoll il-valur kummerċjali tal-postijiet biex toffri prezzijiet li wieħed jista’ jlaħħaq magħhom, lil dawk li jixtiequ jsiru sidien ta’ djarhom permezz ta’ din l-iskema.
Taħt din l-iskema, l-Awtorita’ għandha għall-bejgħ 108 appartamenti u 9 maisonettes b’total ta’ 117 post u 103 garaxx jew spazju għal parkeġġ għal bejgħ ukoll. L-appartamenti jinsabu fi 13-il lokalita’ fosthom Buġibba, Burmarrad, Kirkop, Marsaxlokk, Mrieħel, Mtarfa, Naxxar, Pembroke, Qawra, Qrendi, Tarxien, Ħaż-Żebbuġ u Żurrieq filwaqt li l-maisonettes jinsabu fl-Imġarr, l-Imtarfa u Ħal-Tarxien.
Charles Borg stqarr li mill-117-il post li l-Awtorita’ qed toħroġ għall-bejgħ, hemm :
• 80 appartament u maisonette bi tliet kmamar tas-sodda,
• 33 post b’żewġ kmamar tas-sodda u
• 4 postijiet b’kamra tas-sodda waħda, bil-għan li jintlaħqu persuni differenti li jixtiequ jsiru sidien ta’ djarhom.
Il-postijiet huma mmirati għal koppji miżżewġin jew ġenitur wieħed li jkollhom it-tfal jgħixu magħhom, koppji għarajjes u ġuvni jew xebba li lkoll irid ikollhom ‘l fuq minn 21 sena. Żgħażagħ li għexu f’xi istituzzjoni jew kienu fostered u persuni b’diżabilita’ li għandhom mill-inqas 18-il sena jistgħu wkoll japplikaw biex jixtru post taħt din l-iskema.
Iċ-Chairman tal-Awtorita’ tad-Djar kompla jgħid li l-postijiet qed jinbiegħu bi prezz issussidjat b’rata ta’ 25% tal-prezz kummerċjali biex tingħata spinta lil dawk il-persuni li jixtiequ jixtru l-ewwel residenza tagħhom, iżda ma jifilħux iħallsu l-prezzijiet tas-suq. Il-medja tal-prezz sussidjat tvarja minn :
• €83,138 għal appartament bi 3 kmamar tas-sodda b’sussidju li jilħaq medja ta’ € 27,697 fuq kull appartament u
• € 92,214 għal maisonette bi tliet kmamar tas-sodda b’sussidju li jilħaq medja ta’ €30,714 fuq kull maisonette.
Il-prezz medju bis-sussidju għal appartment b’żewġ kmamar tas-sodda hu ta’ €71,381 filwaqt li l-prezz jilħaq € 69,800 għal maisonette b’żewġ kmamar tas-sodda. L-ammont ta’ sussidju li qed jingħata għal appartament b’żewġ kmamar tas-sodda jilħaq il-medja ta’ €23,775 u s-sussidju fuq maisonette jitla’ għal €23,200.
Il-prezz ta’ appartament u maisonette b’kamra tas-sodda waħda jilħaq il-medja ta’ € 52,600. L-Awtorita’ qed tagħti sussidju li jammonta għal medja ta’ €17,525 fuq kull post.
L-iskema hija miftuħa ghal dawk il-persuni li m’għadhomx dħul li jeċċedi l-€35,000 u assi li ma jeċċedux l-€40,000. Dawk l-applikanti, ġuvintur u xebbiet, separati u romol li m’għandhomx tfal jgħixu magħhom, u żgħażagħ li ħarġu minn xi istituzzjoni, id-dħul tagħhom ma jridx jeċċedi l-€ 20,000 u ma jridx ikollhom assi aktar minn € 25,000.
Il-postijiet huma kollha mibnija u ser jingħataw fi stat ta’ ġebel u saqaf, semi finished jew finished.
Il-postijiet għall-bejgħ se jkunu miftuħa għall-wiri matul żewġ weekends, bejn il-15 u 16 ta’ Mejju u bejn it-22 u 23 ta’ Mejju; mid-9.00 a.m sa l-4.00 p.m. fejn ser ikun hemm rappreżentanti tal-Awtorita’ biex jassistu lil kull min jixtieq jidħol jara l-postijiet.
Wieħed jista’ jżur ukoll l-uffiċini tal-Awtorita’ tad-Djar fil-Furjana matul dawn iż-żewġ weekends għal informazzjoni jew biex jixtru l-applikazzjoni u l-pjanti tal-postijiet. Barra minn hekk, l-Awtorita’ ser tiftaħ l-uffiċċju tal-Customer Care wara nofsinhar mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-17 ta’ Mejju u t-28 ta’ Mejju biex tbiegħ u/jew tilqa’ l-applikazzjonijiet u tagħti informazzjoni meħtieġa. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit tal-Awtorita’ tad-Djar www.housingauthority.com.mt. L-Awtorita’ tibda tbiegħ l-applikazzjonijiet mis-Sibt 15 ta’ Mejju u tilqa’ l-applikazzjonijiet mit-Tnejn 17 ta’ Mejju bejn 12.00 u l-4.00 ta’ wara nofsinhar.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990