Left arrow Mur Lura

ĦRUĠ GĦAL BEJGĦ TA’ APPARTAMENTI TAL-GVERN

PR0853
Date Icon 12/05/2010

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina ħabbret il-ħruġ għall-bejgħ mill-Awtorita’ tad-Djar ta’ 108 appartamenti, 9 maisonettes u 103 il-garage f’14-il lokalita differenti.

Hi qalet li l-bżonnijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali huma kbar u l-ħidma tal-Awtorita’ tad-Djar biex kemm jista’ jkun tissodisfa dawn il-bżonnijiet, hi kbira wkoll; iżda donnu mhux kulħadd japprezzaha. Il-Ministru Cristina spjegat il-ħidma mwettqa mill-Awtorita’ tad-Djar matul is-sena li għaddiet, fejn kien hemm 417 persuna li ħadu għotja ta’ flus biex jirranġaw jew ilestu d-dar tal-ewwel residenza tagħhom – bejniethom ħadu madwar €1 miljun.

Kien hemm 17-il koppja li ngħataw għotja fuq self li għamlu biex jakkwistaw l-ewwel residenza tagħhom. L-Awtorita’ tad-Djar allokat 204 appartamenti lil persuni li kellhom bżonn akkomodazzjoni alternattiva. Kienu approvati 65 każ fejn wara li l-Awtorita’ allokat post b’kera, għenet finanzjarjament biex isir xogħol ta’ tisbiħ fl-istess postijiet – spiża ta’ aktar minn terz ta’ miljun ewro (€353,882).

Matul is-sena li għaddiet, il-Gvern kompla bil-politika tiegħu ta’ derekwiżizzjoni u 432 appartament tal-privat u 43 oħra tal-Gvern tneħħitilhom l-Ordni ta’ Rekwiżizzjoni li kellhom fuqhom. Il-lum fil-pajjiż kollu baqa’ biss 398 post li għadhom rekwiżizzjonati. Il-Ministru qalet li billi l-Gvern m’għandux biżżejjed appartamenti biex jilqa’ t-talba għal dawk kollha li qed ifittxu akkomodazzjoni, l-Awtorita’ tad-Djar tħaddem skema li permezz tagħha tagħti sussidju fuq il-kera lil min jikri mingħand il-privat. Taħt din l-iskema, s-sena li għaddiet ibbenefikaw 1,266 familja li bejniethom ħadu €900,000.

Bħalissa l-Awtorita’ tad-Djar qed tħaddem ħames skemi ta’ għajnuna lil diversi kategoriji ta’ persuni:

• L-ewwel skema: sussidju għal xogħlijiet ta’ titjib f’residenzi privati li jew huma okkupati mis-sidien tagħhom stess jew huma mikrija lil terzi

• It-tieni skema: sussidju fuq xogħol biex jitneħħew strutturi perikolużi fi djar li huma proprjeta’ tal-Gvern u mikrija lil terzi

• It-tielet skema: sussidju biex ikunu rranġati djar kemm tal-Gvern kif ukoll tal-privat li huma okkupati minn inkwilini jew ċenswalisti

• Ir-raba skema: għajnuna finanzjarja għal persuni b’diżabilita’ għal xogħol meħtieġ li hu relatat mad-diżabilita’ tagħhom

• Il-ħames skema: stallazzjoni ta’ lifts fi blokku residenzjali li huma proprjeta’ tal-Gvern.

Matul is-sena li għaddiet taħt l-ewwel tliet skemi, ibbenefikaw 334 persuna li bejniethom ingħataw is-somma ta’ kważi €1 miljun. Bl-iskema għal persuni b’diżabilita’ kienu megħjuna 96 persuna filwaqt li kienu stallati sitt lifts fi blokki ta’ appartamenti li huma proprjeta’ tal-Gvern – kollox b’nefqa ta’ €530,000.

Filwaqt li tħaddem dawn l-iskemi, l-Awtorita’ tad-Djar bhalissa għaddejja bi programmi ta’ bini ta’ postijiet li wara joħorġu għal bejgħ jew għall-kiri lill-privat. Fl-aħħar sena tlestew 255 appartament u 12-il maisonette (li l-parti l-kbira minnhom qed jinħarġu għal bejgħ illum) li swew €4.2 miljuni.

Qed isir ukoll xogħol ta’ bini fuq seba’ siti oħra filwaqt li ħarġu l-offerti biex ikunu jistgħu jinbnew 42 appartament ieħor. Barra minn dan qed isir xogħol fuq żewġ proġetti ta’ riabilitazzjoni, wieħed f’Ħal Tarxien u ieħor il-belt Valletta li jinkludu 24 appartament li meta jitlestew joħorġu għall-kiri.

Mis-sena li għaddiet, l-Awtorita saret ukoll responsabbli mix-xogħol li kien isir mid-Dipartiment tal-Bini u t-Tiswija tad-Djar u qed tirranġa 176 post li minnhom 125 ikunu lesti sal-aħħar ta’ din is-sena.

Il-Ministru Cristina temmet tgħid li l-Gvern jibqa’ mpenjat li sakemm hu possibbli, jgħin biex tittaffa l-problema tal-akkomodazzjoni. Dan isir kemm bil-ħidma tal-Awtorita’ tad-Djar kif ukoll bis-sehem tal-privat. Wieħed jittama li l-Liġi tal-Kera li sarilha tibdil kbir għandha tgħin ukoll biex din il-problema tkompli tittaffa.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow