AKTAR KUNSILLI LOKALI JISFRUTTAW IL-FOND TA’ KO-FINANZJAMENT BIEX IWETTQU PROĠETTI
Fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena il-Gvern irċieva 11-il applikazzjoni għall-użu ta’ fondi mill-Fond ta’ Ko-Finanzjament lill-Kunsilli Lokali. Dan ifisser li l-Gvern diġa irċieva applikazzjonijiet daqs kemm approva li jiffinanzja proġetti fl-2009.
Il-Fond ta’ Ko-Finanzjament din is-sena jammonta għal nofs miljun ewro (€500,000) li jfisser €200,000 aktar mill-2009. Dan il-fond hu maħsub biex jipprovdi finanzi għal dawk il-Kunsilli Lokali li jkollhom bżonn għajnuna addizzjonali fit-twettiq tal-proġetti b’fondi Ewropej. B’hekk il-Gvern ikun qed jgħin lill-Kunsilli Lokali jakkwistaw il-fondi neċessarji biex jassiguraw li jwettqu l-proġetti sal-aħħar.
Tlieta mill-proġetti li daħlu din is-sena thejjew mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL), tnejn mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara, u l-bqija kienu sottomessi mill-Kunsilli Lokali tal-Imġarr, il-Mellieħa, Raħal Ġdid, l-Isla, Birżebbugia, u Marsaskala. It-tip ta’ proġetti jvarjaw u jinvolvu titjib fl-infrastruttura, ġemellaġġi u skambji ta’ żgħażagħ.
Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika Chris Said waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-proġett Philoxenia. Is-sena li għaddiet il-bord li jevalwa l-proġetti li jkunu sottomessi għall-ko-finanzjament, approva li jingħataw 15,000 ewro għal dan il-proġett. L-AKL hi s-sieħeb Malti f’dan il-proġett li qed isir bejn ħames entitajiet Ewropej u li qed jitmexxa minn sieħeb Grieg.
L-għan ta’ dan il-proġett hu li tingħata għajnuna lil individwi li jkunu jixtiequ jistabbilixxu intrapriżi f’zoni rurali Ewropej fil-Mediterran. L-AKL qed timmira li tingħata għajnuna lil 15-il individwu minn Malta jew Għawdex li huma interessati jibdew intrapriża fl-oqsma tal-artiġjanat, l-ikel, il-kultura, it-turiżmu jew fit-teknoloġija.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said faħħar l-inizjattiva tal-AKL li fehmet ir-rwol ewlieni tal-Gvernijiet Lokali biex jgħinu fil-ħolqien tax-xogħol u ta’ negozji ġodda speċjalment fiz-zoni rurali. Dan juri li l-Kunsilli Lokali m’għadhomx aktar tajbin biss biex jieħdu ħsieb it-toroq u l-bankini, iżda bit-tiġdid li sar fis-snin li għaddew, ingħataw aktar responsabbilitajiet u funzjonijiet.
Il-Kunsilli Lokali tgħallmu jieħdu kemm jistgħu mill-fondi Ewropej, u l-Fond ta’ Ko-Finanzjament lill-Kunsilli Lokali qed jgħinhom isiru aktar pro-attivi u ma jibqgħux jaqtgħu qalbhom meta jiġu biex japplikaw għal proġetti differenti. Dan għaliex il-fond qed iservi bħala sors addizzjonali ta’ finanzi li qed jikkumplimentaw fondi eżistenti oħra.
Chris Said fakkar li fl-2009, il-Kunsilli Lokali kisbu total ta’ 3.8 miljun ewro. Il-mira hi li fl-2010 il-Kunsilli Lokali jiksbu sitt miljun ewro biex permezz tagħhom iwettqu proġetti u inizjattivi ta’ fejda għal-lokalitajiet tagħhom.
Hu semma wkoll ir-rwol ewlieni tal-Malta-EU Steering & Action Committee (MEUSAC) fl-għoti ta’ informazzjoni u għajnuna oħra diretta lill-Kunsilli Lokali interessati jwettqu proġetti b’fondi Ewropej.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellmu l-President tal-AKL Michael Cohen, is-Segretarju Eżekuttiv tal-AKL Jimmy Magro u l-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta Tonio Depasquale.
Il-Bank of Valletta nieda pakkett ta’ inċentivi finanzjarji imsejjaħ BOV Philoxenia Advisory and Financing li permezz tiegħu se jkunu provduti servizzi personalizzati ta’ finanzjament u konsulenza biex jissaħħu l-ħiliet imprenditorjali ta’ dawn l-intrapriżi ġodda.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990