Left arrow Mur Lura

IMNEDIJA KAMPANJA TA’ INFORMAZZJONI MINN EKO-GĦAWDEX

PR0846
Date Icon 11/05/2010

Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono llum nediet l-ewwel fażi ta’ kampanja ta’ informazzjoni mmirata lejn il-Maltin li jqattgħu l-btajjel tagħhom f’Għawdex kif ukoll għall-Għawdxin infushom. Il-kampanja ta’ informazzjoni hi bbażata fuq sitt messaġġi marbuta mal-kunċett ta’ Eko-Għawdex, bil-għan li titqajjem aktar kuxjenza fost il-Maltin u l-Għawdxin għall-ħarsien tal-gżira Għawdxija, li hi wieħed mill-assi naturali ta’ l-arċipelagu Malti.

Waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet, il-Ministru għal Għawdex qalet li dawn is-sitt messaġġi ntagħżlu skont il-pilastri ewlenin li hi msejsa fuqhom il-viżjoni Eko Għawdex, li ġiet approvata mill-kabinett fl-aħħar tas-sena li għaddiet u li għaliha l-Gvern ivvota n-nefqa rekord ta’ €25 miljun fuq medda ta’ tliet snin. Dawn il-pilastri huma l-Ambjent u n-natura Għawdxija, l-Ekonomija u x-xogħol f’Għawdex, l-Edukazzjoni u t-taħriġ għall-Għawdxin, kif ukoll l-Identita’ Għawdxija.

Il-messaġġi ewlenin ta’ din l-ewwel fażi tal-kampanja informattiva huma:

L-elettriku ma jiħux vaganza!

Tħallix dawl jixgħel għalxejn meta tkun Għawdex.

L-ilma ma jiħux vaganza!

Tħallix l-ilma jinħela meta tkun Għawdex.

L-iskart ma jiħux vaganza!

Ibqa’ ssepara l-iskart meta tkun Għawdex.

Ix-xogħol tajjeb iġib aktar xogħol!

Agħti l-aħjar li tista’ biex Għawdex jattira aktar impjiegi.

Il-kampanja mhix biss għall-istampi!

Ħalli l-ambjent f’Għawdex nadif.

Kun kburi, mhux imkabbar!

Ftaħar bil-prodott Għawdxi għax hu tajjeb.

Il-Ministru Giovanna Debono spjegat li l-għan aħħari tal-Gvern hu li permezz ta’ Eko-Għawdex tinbidel il-mentalità favur politika ekoloġika fil-gżira Għawdxija.  Waqt li rrikonoxxiet il-ħidma li saret u għadha għaddejja biex il-Maltin u l-Għawdxin isiru aktar konxji mir-riżorsi ambjentali ta’ pajjiżna, sfortunatament hemm dawk li waqt il-btajjel tagħhom jinsew l-obbligi ambjentali li soltu jħarsu fil-ħajja ta’ kuljum.  “Kien għalhekk li għażilna l-messaġġi biex meta jkunu f’Għawdex il-Maltin jibqgħu jisseparaw l-iskart u ma jaħlux ilma u elettriku għal xejn,” qalet il-Ministru Debono. Hi kompliet li dawn l-istess messaġġi jgħoddu wkoll għall-Għawdxin li jgħixu f’Għawdex, iżda din il-kampanja trid tiġġieled l-impressjoni ta’ xi wħud li meta jikru akkomodazzjoni f’Għawdex ma jħossux il-bżonn li jitfu d-dawl, l-arja kkondizzjonata u appliances oħra meta joħorġu mill-flat, farmhouse jew kamra ta’ lukanda. L-istess bis-separazzjoni ta’ l-iskart fejn ħafna huma dawk li jieqfu jagħmlu dan għax ikunu vaganza.

Il-Minstru Debono fissret ukoll l-għan tal-messaġġi l-oħra f’din il-kampanja fejn qed issir enfasi qawwija fuq l-indafa ta’ l-ambjent Għawdxi fejn sfortunatament uħud minn dawk li jżuru x-xtajtiet u l-kampanja Għawdxija ma jħallux is-sit kif sabuh.

Il-messaġġi l-oħra f’din il-kampanja jittrattaw ix-xogħol u l-identità Għawdxija, żewġ temi ta’ importanza kbira li huma fatturi prinċipali għall-ħajja f’Għawdex. “Il-ħolqien tax-xogħol f’Għawdex hu sfida ta’ kuljum,” qalet il-Ministru Debono, waqt li tenniet li dan jista jkun possibli jekk kulħadd jagħraf l-importanza li Għawdex ikun kompetittiv.  Kien għalekk li ntgħażlu żewġ messaġġi li jsostnu li xogħol tajjeb iġib aktar xogħol kif ukoll li l-prodott Għawdxi għandu bżonn promozzjoni qawwija minn kulħadd.

Sadanittant, il-Ministru għal Għawdex ħabbret li din l-ewwel fażi tal-kampanja se ssir permezz ta’ sitt posters differenti li se jitqassmu mal-ħwienet u binjiet pubbliċi kollha madwar Għawdex.  Il-Ministeru ħaseb biex iniedi dawn il-posters għal waqt in-Notte Gozitana li se ssir fi tmiem il-ġimgħa, u li mistennija tiġbed lejn Għawdex ħafna Maltin. “Din kienet opportunità biex f’lejla waħda nwasslu l-messaġġi ta’ Eko-Għawdex ma’ mijiet ta’ persuni,” temmet tgħid il-Ministru għal Għawdex.

Il-kampanja ta’ informazzjoni se tidħol f’fażi oħra fl-ewwel jiem tas-sajf u tkompli bl-aħħar fażi f’Ottubru malli t-tfal jidħlu lura l-iskola mill-vaganzi tas-sajf.

Waqt din it-tnedija kien preżenti wkoll l-Assistent Parlamentari fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, l-Onor. Frederick Azzopardi.

+pr0846a

+pr0846b

+pr0846c

+pr0846d

+pr0846e

+pr0846f

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow