KOLLABORAZZJONI GĦAL PROMOZZJONI TAL-LINGWI BEJN NGOS BELĠJANI U MALTIN
Huwa forsi karatteristika partikolari tal-vokazzjoni ta' Malta li tkun ta' pont bejn il-kulturi, filwaqt li r-Renju tal-Belġju għaddej minn kriżi politika minħabba nuqqas ta' qbil tal-lingwa bejn il-komunitajiet li jitkellmu bl-Olandiż u l-Franċiż. Fil-fatt NGO Maltija u NGO Belġjana qablu li jikkooperaw biex jippromwovu l-ilsna bħala mezz biex tinkoraġixxi l-komunikazzjoni u disponibilità lejn kulturi oħra b'mod kreattiv li jirrispetta l-identitajiet reċiproki u r-realtajiet lokali.
Dan il-ftehim ġie ffirmat uffiċjalment fis-Senat tar-Renju tal-Belġju nhar is-Sibt 24 April 2010. Din il-kooperazzjoni importanti kien ir-riżultat dirett ta' inizjattiva tal-Ambaxxata ta' Malta għall-Belġju. L-NGOs huma il-Fondazzjoni Nazzjonali għal-Ivvjaġġar tal-Istudenti (NSTF) minn Malta u s-Centre d'Animation en Langues-Het Animatiecentrum voor Talen mill-Belġju.
Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, grupp ta' għalliema Belġjani tal-Ingliż ser imorru Malta iktar tard dan is-sajf biex jipparteċipaw f’kors speċjalizzat interattiv fil-metodoloġija tat-tagħlim tal-Ingliż għall-adulti.
L-interazzjoni se tgħin l-għalliema Belġjani b’għodda ta' tagħlim tal-lingwa li għandha mbagħad tkun mxerrda fost firxa usa’ ta' għalliema Belġjani ta' l-Ingliż. Barra minn hekk l-għalliema Maltin tal-Ingliż ser ikunu esposti għall-"esperjenza Belġjana tal-Ingliż".
Il-grupp huwa kompost minn għalliema li jitkellmu l-Olandiż u l-Franċiż, li se jiġu mistiedna biex jgħixu flimkien u jikkomunikaw esklussivament bil-lingwa Ingliża sabiex jaqsmu l-esperjenzi tal-Komunità tagħhom stess filwaqt li jirrispettaw id-diversità lingwistika tagħhom.
Il-Fondazzjoni Nazzjonali għal-Ivvjaġġar tal-Istudenti, permezz tal-Istitut tagħha tal-Lingwa Ingliża, huwa ġeneralment rikonoxxut għall-impenn ewlieni tiegħu għall-iżvilupp ta' Malta bħala ċentru internazzjonali għall-għarfien interkulturali permezz tat-tagħlim tal-lingwa Ingliża. Dan il-ftehim huwa meqjus bħala pass ieħor lejn dan l-impenn. Iż-żjara tal-għalliema Belġjana huwa possibbli permezz ta' għajnuna ġeneruża tal-Air Malta.
L-Ambaxxatur Pierre Agius li attenda ċ-ċerimonja qal li d-diversità kulturali mhux dgħjufija iżda, għall-kuntrarju, sors ta' rikkezza. Huwa qal li l-lingwi huma essenzjali għall-komunikazzjoni għax iservu biex jitrawwem ftehim u jibnu pontijiet bejn il-popli filwaqt li jservu bħala l-għodod għall-politika l-iktar importanti, il-politika minn nies għan-nies. Malta u l-Maltin iħobbu l-lingwi, tenna l-Ambaxxatur Agius, u żied li l-tagħlim tal-Ingliż lill-barranin f'Malta saret element importanti ħafna ta' l-ekonomija Maltija u l-industrija tat-turiżmu.
Il-ftehim ġie ffirmat mis-Sur Francis Stivala, Segretarju-Ġenerali tal-NSTF, u Mme. Amarillys Luyten, Direttur ta’ Le Centre d'Animation en Langues-Het Animatiecentrum voor Talen.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990