Left arrow Go Back

JITNIEDA FILM GĦAT-TFAL DWAR L-UNJONI EWROPEA

PR0842
Date Icon 11/05/2010

Il-Malta-EU Steering and Action Committee (MEUSAC) nieda l-proġett ‘L-Avventuri Maġiċi ta’ Tommy u Rosy’, li jinkludi film għat-tfal u ktejjeb li jakkumpanjah, maħsub biex iwassal informazzjoni dwar l-istorja tal-Unjoni Ewropea u dwar din xi tfisser fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tagħha.

Il-proġett hu riżultat ta’ ftehim iffirmat fl-2009 bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-MEUSAC f’isem il-Gvern Malti.

It-tnedija tal-proġett saret mill-Onor Chris Said, Segretarju Parlamentari għall-Konsumaturi, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Djalogu Pubbliku waqt il-premiere tal-cartoon fl-Eden Century Cinemas f’San Ġiljan.

Quddiem sala mimlija tfal, is-Segretarju Parlamentari Chris Said tkellem dwar l-importanza li ċ-ċittadini Ewropej, sa minn eta’ żgħira, jitgħallmu xi tfisser l-Unjoni Ewropea għalihom. L-UE ġabet aktar opportunitajiet ta’ xogħol u studju, ħarsien tas-saħħa u tad-drittijiet, ivvjaġġar aktar faċli, u ħidma favur ambjent isbaħ u aktar nadif. Aktar minn hekk, l-UE fissret sittin sena ta’ paċi fil-kontinent Ewropew.

Chris Said sostna li l-Unjoni Ewropea hi darna u għalhekk importanti li nitgħallmu kemm nistgħu dwarha. Ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea, l-Uffiċju tal-Parlament Ewropew f’Malta u l-MEUSAC, għandhom ir-rwol li jwasslu l-informazzjoni dwar l-UE. Hu ħeġġeġ lill-istudenti jistaqsu kemm jifilħu dwar l-UE. Semma wkoll li f’Malta teżisti l-faċilita’ li student mill-iskola sekondarja sal-Universita’, ikompli jidħol f’aktar dettal dwar l-UE billi jagħżel l-Istudji Ewropej u jibqa’ jistudja sal-livell ta’ Masters.

It-tfal u l-għalliema tagħhom kienu indirizzati wkoll mill-Kap tal-MEUSAC Dr. Vanni Xuereb, mill-Kap tal-Uffiċju tal-Parlament Ewropew f’Malta Julian Vassallo u mill-Uffiċjal tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropa f’Malta Angelo Chetcuti.

Vanni Xuereb tkellem dwar il-ħidma tal-MEUSAC.  Hu spjega li apparti l-għajnuna lil Organizazzjonijiet  mhux Governattivi u Kunsilli Lokali biex jiksbu fondi mill-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-proċess ta’ konsultazzjoni li jieħu ħsieb f’isem il-Gvern, il-MEUSAC iservi ukoll bħala ċentru biex ixerred informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea, il-politika tagħha, il-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea u d-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej, inkluż id-drittijiet u l-opportunitajiet għat-tfal u żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea.  Vanni Xuereb ħeġġeġ lit-tfal u lill-għalliema preżenti biex jagħmlu użu mis-servizz li joffrilhom il-MEUSAC.

It-tfal kellhom l-opportunità jaraw il-film. ‘L-Avventuri Maġiċi ta’ Tommy u Rosy’ li hu twil 15-il minuta. Aktar tard din is-sena dan se jkun qed jitqassam b’xejn fuq DVD, flimkien ma’ pubblikazzjoni, lil madwar 30,000 tifel u tifla.

Dan hu biss wieħed mill-metodi li qed juża l-MEUSAC biex iressaq l-Unjoni Ewropea eqreb lejn iċ-ċittadini. Permezz tal-ftehim iffirmat sena ilu mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Parlament Ewropew, il-MEUSAC irċieva 800,000 ewro biex fuq perjodu ta’ erba’ snin jorganizza kampanji ta’ informazzjoni dwar l-UE fil-gżejjer Maltin.

Fix-xhur li għaddew sar road-show b’informazzjoni dwar l-UE fil-Kunsilli Lokali ta’ Malta u Għawdex, kif ukoll saret attivita’ għall-familja kollha dwar il-bidla fil-klima bil-parteċipanti jkunu mistiedna jiddiskutu metodi dwar kif jistgħu jitnaqqsu l-emissjonijiet fl-arja.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow