DISKORS MILL-O. JOE CASSAR, MINISTRU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA’ DWAR IL-JUM DINJI ‘ĊAQLAQ GĦAL SAĦĦTEK’ – MSIDA – 10 TA’ MEJJU 2010
Kieku l-attivita’ fiżika kellha ssir fuq bażi regolari ta’ madwar nofs siegħa kuljum fil-każ tal-adulti jew siegha kuljum fil-każ tat-tfal inkluż iż-żgħażagħ sa’ 18-il sena, din tkun drawwa u miżura tajba ħafna biex intejbu u nmantjenu s-saħħa ġenerali tal-poplu tagħna kemm tal-lum u ferm iktar ghall-ġenerazjonijiet li ġejjin. Fl-aħħar mill-aħħar, din il-miżura tnaqqas mil-piż u l-infieq f’servizzi tas-saħħa!
B’sodisfazzjon nghid li skond l-aħħar studju tal-Eurobarometer (2009), minn fost il-500 parteċipant Malti li l-etajiet tagħhom kienet tvarja minn 15 sa 70 sena, irriżulta li kien hemm titjib sostanzjali fl-istatistika dwar l-attivita’ fiżika. Fl-istess studju li kien sar fl-2007, il-Maltin kienu gew ikklassifikati bħala l-inqas nies attivi fizikament fl-Ewropa.
Iżda fl-aħħar studju li sar dan l-aħħar, wera li l-Maltin jinsabu fit-tielet post (wara l-Irlanda u l-Isveżja) li jagħmlu xi forma ta’ eżerċizzju jew jieħdu sehem f’xi sport. Fil-fatt hemm 17% tal-Maltin li jagħmlu eżerċizzju regolari (5 darbiet fil-ġimgħa), filwaqt li 31% jagħmlu eżercizzju/sport darba fil-ġimgħa. Iżda madanakollu ma jfissirx li l-isforzi tagħna ghandhom jieqfu hawn ghax aħna nħossu li għad fadal ħafna xi jsir biex saħħet il-poplu taghna ma tibqax dik li hi.
L-attivita’ fiżika hija waħda mill-fatturi li jghinu biex nevitaw ħafna mill-mard mhux infettiv. Fl-aħħar ta’ April tnediet strateġija ghall-kontroll ta’ mard mhux infettiv f’Malta fejn fost riskji oħra, rajna kif in-nuqqas ta’ attivita’ fiżika jista’ jwassal għal aktar mard u kif meta nżidu l-eżerċizzju dan nistghu nnaqqsuh. Minbarra aktar għarfien dwar l-importanza ta’ l-attivita’ fiżika aħna nafu kemm huwa importanti li persuna jkollha postijiet iktar aċċessibli fejn tagħmel l-attivita’ fiżika.
Propju għalhekk illum ninsabu f’dan il-gym modern li jinsab f’post ċentrali ġewwa Ġan Franġisk Abela Junior College fl-Imsida. Id-Direttorat ghall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard qed jaħdem flimkien ma’ dan il-gym. Dan jilqa teenagers minn 14-il sena l-fuq sa adulti u huwa mgħammar b’ apparat erobiku (kardjovaskulari) bhal ma huma threadmils, cross-trainers u stationary bikes. L-eżerċizzju erobiku hu fost l-aktar rakkomandat ghall saħħitna. Fl-istess gym hemm ukoll resistance machines u weights ghal min jkun jrid ikabbar ftit l-muskoli! Wara kollox, il-WHO tissuġerixxi li ghal tal-inqas darbtejn fil-ġimgħa wiehed għandu jagħmel xi forma ta’ resistance training biex issaħħaħ l-muskoli u l-għadam tiegħu.
Ta’ min jgħid li din l-attivita’ tal-llum hija biss il-bidu! Hemm iktar u iktar inċentivi sbieħ li fl-imkien mad-Direttorat ghall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard b’kollaborazjoni ma’ entitajiet oħra, ser inħabbrulkom fil-ġranet li ġejjin.
Issa xieraq li nkunu ta’ ezempju u nibdew din il-gurnata bi ftit attivita’ fizika. Grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990