Left arrow Mur Lura

STQARRIJA TAL-KUMITAT PERMANENTI DWAR L-AFFARIJIET SOĊJALI TAL-PARLAMENT

PR0830
Date Icon 08/05/2010

Il-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet Soċjali jinforma lill-pubbliku in ġenerali li qed iniedi proċess ta’ konsultazzjoni pubblika fuq emendi li qiegħed jipproponi għall-proċeduri tal-Qorti tal-Familja. Dawn l-emendi qed jitressqu bl-iskop li jkunu emendati l-proċeduri tal-Qorti tal-Familja, bil-ħsieb li titnaqqas kemm jista’ jkun it-trawma li l-ulied jgħaddu minnha waqt proċess ta’ separazzjoni.

Għalhekk il-Kumitat qed jippubblika dokument li permezz tiegħu qiegħed iressaq għall-attenzjoni tal-Istat u tas-soċjetà Maltija numru ta’ proposti li għandhom ikunu bażi ta’ diskussjoni pubblika li għandha tiffoka kemm fuq il-ġustizzja li għandha tingħata lill-koppja li tkun qed tissepara iżda fuq kollox qed ikun issuġġerit li f’din id-diskussjoni  tingħata prijorità lid-drittijiet u l-interessi tat-tfal. Dan bil-ħsieb li filwaqt li jibqa jkollna proċeduri aktar effiċjenti għall-adulti li jkunu qegħdin fi proċess ta’ separazzjoni, jibda jkollna fl-istess waqt attenzjoni aktar xierqa lejn l-interessi tat-tfal.

Il-Kumitat iħoss li ċertu proċeduri li jirregolaw il-Qorti tal-Familja għandhom ikunu emendati sabiex it-tfal ma jibqgħux ibatu mit-trawma li s-separazzjoni tal-ġenituri ġġib magħha. Il-membri parlamentari li jifformaw il-Kumitat tal-Affarijiet Soċjali fil-Parlament iddiskutew fid-dettall il-proċesss tas-separazzjoni bl-għajnuna ta’ esperti fil-qasam tal-familja, ta’ uffiċjali fil-Qorti tal-Familja u permezz ta’ diskussjoni ma’ persuni li għaddejjin mill-esperjenza ta’ separazzjoni fl-istess Qorti tal-Familja, sabiex finalment qablu li jippubblikaw dokument li jiġbor fih kemm informazzjoni dwar il-proċess kif ukoll l-emendi li huma qed iressqu għall-istess proċess fil-Qorti tal-Familja.

Hija x-xewqa tal-membri deputati li dan id-dokument jintuża bħala l-bażi ta’ diskussjoni f’eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika. Qed jiġi suġġerit li dan il-ħames dokument għandu jiġi diskuss flimkien mar-raba’ dokument li jittratta l-importanza tar-rwol tal-missier fit-trobbija tal-ulied.

Dan id-dokument, li kopja tiegħu hija aċċessibbli fuq il-websajt tal-Parlament http://www.parliament.gov.mt/socialaffairscommittee jevalwa dawn it-temi u rakkomandazzjonijiet:

Proċeduri aktar b’saħħithom sabiex jiġu rispettati l-obbligi tal-kuntratt tas-separazzjoni;

Jitħarsu l-interessi tal-ulied;

Reviżjoni tal-istrutturi attwali tal-Qorti tal-Familja;

Monitoraġġ aktar b’saħħtu fuq koppji li jkunu qegħdin fil-proċess ta’ separazzjoni u anke wara;

Rwol aktar importanti lill-avukat tat-tfal;

Jiġi maħtur uffiċjal tal-qorti li jħares l-interessi tat-tfal (Guardian ad Litem);

Jiġu salvagwardjati l-interessi u drittijiet ta’ trabi fil-ġuf;

Tinħtieġ liġi tat-tfal b’saħħitha.

Kull sottomissjoni bil-miktub għandha tasal għand il-President tal-Kumitat, l-Onor. Edwin Vassallo, mhux aktar tard mill-Erbgħa 30 ta’ Ġunju, 2010.

Kull sottomissjoni tista’ tintbagħat fuq l-indirizz elettroniku socialaffairs.parliament@gov.mt, jew indirizzata lill-President,  Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali, Kamra tad-Deputati, Valletta.

Il-membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali huma l-Onor Edwin Vassallo (President), l-Onor Frederick Azzopardi, l-Onor Justyne Caruana, l-Onor Michael Farrugia, l-Onor Michael Gonzi, l-Onor Stephen Spiteri u l-Onor Anthony Zammit.

DOI - 08.05.10

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow