STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TA’ L-ISPEAKER
Fis-Seduta tal-bieraħ, il-Ħamis, 6 ta’ Mejju 2010, meta ssejħet id-division, intalab vot minn kull Deputat billi jgħid “iva” jew “le” fuq il-kwistjoni quddiem il-Kamra li kienet il-Mozzjoni tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni l-Onor. Joseph Muscat dwar l-estensjoni tal-power station f’ Delimara.
Waqt dan il-vot, il-Membru Parlamentari l-Onor Mario Galea nstema’ jgħid ‘Yes’ u fil-pront qam biex jitkellem imma, billi l-vot kien għadu għaddej, l-iSpeaker ma tahx il-kelma u talab lill-Iskrivan tal-Kamra tkompli ssejjaħ l-ismijiet tal-Onorevoli Membri.
Meta spiċċaw jissejħu l-ismijiet tal-Onorevoli Membri u qabel id-dikjarazzjoni tar-rizultat tal-votazzjoni, il-Vici Prim Ministru qam u talab il-kelma u stqarr li l-Membru Parlamentari l-Onor Justyne Caruana nstemgħet tgħid “Le” għall-istess votazzjoni dwar il-Mozzjoni tal-Onor. Joseph Muscat.
Billi kien tqajjem dubju dwar il-vot tal-Membru Parlamentari l-Onor Justyne Caruana, l-iSpeaker, f’dawn iċ-ċirkostanzi ddikjara li ser jissospendi l-Kamra biex jisma’ r-recordings u jivverika l-mod ta’ votazzjoni tal-Membri Parlamentari.
F’dan l-istadju n-naha tal-Oppożizzjoni, fost ħafna storbju, ħarġet mill-Kamra.
L-Ispeaker issospenda l-Kamra u flimkien mal-Iskrivan tal-Kamra u ma’ żewġ assistenti tagħha, ipprova jivverfika l-voti tal-Membri, partikolarment dak ta’ Justyne Caruana li kien qed jigi kkontestat kif ivvutat, billi jisma’ r-recording.
Iżda billi kważi l-microphones kollha kienu mitfija waqt il-vot*, kien impossibbli li ssir din il-verifika.
Għaldaqstant, l-Ispeaker, biex jindirizza dan id-dubju li tqajjem u ma setax jiġi riżolt bis-smigh tar-recording, ma kellux triq oħra ħlief li jieħu deċiżjoni abbażi tal-Ordni Permanenti 86 li tgħid hekk: “F’każ ta’ konfużjoni jew żball dwar in-numri rappurtati, il-Kamra għandha tagħmel votazzjoni oħra kemm-il darba l-istess ma tistax tiġi korretta xort’oħra.”
Għalhekk issejħet votazzjon oħra.
Kopja tar-recording tas-seduta kollha tal-bieraħ, 6 ta’ Mejju 2010, intbagħtet illum lill-Whip tal-Gvern u l-Whip tal-Oppożizzjoni wara talba tagħhom.
*F’votazzjoni fejn il-Membri ma jiġux mitluba jgħidu “iva” jew “le” biex jiddikjaraw il-vot, ikun hemm biss miftuħ il-micrcophone tal-Iskrivan tal-Kamra biex issejjaħ l-ismijiet tal-Membri. F’votazzjoni fejn il-Membri jintalbu li jgħidu iva jew le biex jiddikjaraw il-vot, ikun hemm ukoll xi erba’ mill-microphones li jkunu mixgħulin.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990