TNEDIJA TAL-KAMPANJA - ĊOFF BLU GĦALL-PROTEZZJONI TAT-TFAL
Fl-iskola Primarja tal-Birgu, il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina nidiet il-kampanja nazzjonali ‘Ċoff Blu – għall-Protezzjoni tat-Tfal’. Il-kampanja li qed titmexxa mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali għandha l-iskop li tippromwovi trobbija pożittiva filwaqt li tiġġieled kull forma ta’ abbuż fuq it-tfal.
F’diskors li għamlet il-Ministru Cristina qalet li t-tfal huma l-mimmi ta’ għajnejna. “Għalihom lesti nagħmlu kollox għax dejjem nixtiequlhom l-aħjar u dak kollu li hu tajjeb u ta’ ġid għalihom. It-tfal forsi huma l-aktar kategorija ta’ nies vulnerabbli u allura jixirqilhom mhux biss l-imħabba imma anke il-protezzjoni tagħna. Il-protezzjoni tat-tfal hi responsabbilta’ tagħna lkoll. Hu dmirna li nipprovdu għat-tfal, nagħtuhom l-aħjar trobbija possibbli u fuq kollox niddefendu d-drittijiet tagħhom.”
Il-Ministru qalet li dan isir billi jkollna politika u liġijiet li jħarsu d-drittijiet tat-tfal u billi nagħtuhom l-aħjar edukazzjoni possibbli biex huma jitilgħu ċittadini tajbin u jkollhom futur garantit.
Sfortunatament, anke l-lum għadna nsibu sitwazzjonijiet fejn it-tfal ikunu jinħtieġu l-protezzjoni għax ikunu qed isofru minn xi forma ta’ abbuż. It-tfal jistgħu jkunu abbużati b’diversi modi. Mhux biss fiżikament jew sesswalment, imma jistgħu jkunu abbużati anke psikoloġikament, billi jkunu traskurati jew ikollhom nuqqas ta’ kura, billi jitħallew weħidhom għal ħinijiet twal, billi jitpoġġew f’sitwazzjonijiet perikolużi, billi jkunu esposti għal ġlied u swat fil-familja u b’tant modi oħra.
“M’għandu jkun hemm ebda tolleranza għall-abbuż. Kull abbuż – speċjalment abbuż fuq it-tfal, hu kundannabbli”, saħqet il-Ministru Cristina. Il-Gvern jagħraf il-ħtieġa li jkunu żviluppati servizzi favur it-tfal u bħalissa, għaddej b’diskussjonijiet kemm mal-awtoritajiet tal-edukazzjoni kif ukoll mal-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali biex jitjiebu l-istrutturi eżistenti u jinħolqu strutturi u servizzi ġodda fejn tinħass il-ħtieġa, fl-aħjar interess ta’ uliedna.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja għandu Kumitat ta’ Professjonisti biex jevalwa s-servizzi li nagħtu lit-tfal, jidentifika x’irid isir aktar u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Gvern u fil-fatt tħejja pjan strateġiku fuq medda ta’ 10 snin, b’risq it-tfal.
“Bħala parti minn dan il-pjan, l-Aġenzija Appoġġ qed issaħħaħ is-servizz tal-fostering għaliex nemmnu li l-aħjar post fejn jiżviluppaw it-tfal hu fi ħdan familja. Hu ta’ pjaċir u sodisfazzjon għalija li nara li bejn Jannar u April saru żewġ programmi għal foster carers prospettivi li għalihom attendew 16-il familja. Irrid infakkar li fl-aħħar Budget, il-Gvern żjied il-Benefiċċju taċ-Child Care li jingħata lill-familji li jieħdu ħsieb tfal afdati fil-kura tagħhom minn €40 għal €70 fil-ġimgħa.”
“Il-lum qed inniedu din il-kampanja favur trobbija pożittiva. Il-fatt li hawn magħna hawn numru ta’ ġenituri ifisser li dawn huma interessati bis-serjeta’ fit-trobbija ta’ uliedhom u qed jagħtuhom l-aqwa trobbija. M’għandix dubju li l-maġġoranza kbira ħafna ta’ ġenituri Maltin u Għawdxin jagħmlu kull sagrifiċċju biex jagħtu l-aħjar trobbija lil uliedhom.”
Il-Ministru Cristina kompliet tgħid li din il-kampanja tmur id f’id mas-servizz tal-Homestart offrut mill-Aġenzija Appoġġ fl-ibliet tal-Cottonera, Żabbar, Fgura, Żejtun u Kalkara, li permezz tiegħu voluntiera mħarrġa apposta jmorru fid-djar ta’ familji li jkunu għaddejjin minn xi diffikultajiet, biex jgħinuhom fit-trobbija tat-tfal tagħhom u t-tmexxija tal-familja.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja qalet li sfortunatament għandna numru ta’ tfal li huma abbużati, maħqurin u traskurati mill-ġenituri tagħhom. Lil dawn irid jieħu ħsiebhom l-Istat. “Inħoss għafsa ta’ qalb kull darba li bħala Ministru responsabbli għall-familja ikolli noħroġ Ordni ta’ Ħarsien fuq xi tifel jew tifla għax dawn jitħallew neqsin u traskurati u xi drabi wkoll imsawwta u abbużati mill-ġenituri tagħhom,” qalet il-Ministru.
Dan l-aħħar kien hawn diversi rapporti dwar it-Tfal li jinsabu taħt Ordni ta’ Kura, li setgħu taw l-impressjoni li l-Istat m’hu jagħmel xejn għal dawn it-tfal. Dan mhux il-każ. Is-servizzi ta’ appoġġ li joffri l-pajjiż jinvestigaw kull każ ta’ abbuż ta’ tfal li jsiru jafu bih. Għandna professjonisti mħarrġa apposta li wara li jiddiskutu l-każ jagħtu l-parir tagħhom dwar l-aħjar mod kif ikun trattat il-każ. Hemm numru ta’ każi fejn wara li ssir ħidma mal-ġenituri, il-parir ikun li t-tfal ikun aħjar għalihom li jibqgħu fil-familja li tkun monitorjata minn ħaddiema soċjali u professjonisti oħra. Ikun hemm sitwazzjonijiet oħra fejn ikun aħjar għat-tfal li dawn jitpoġġew f’familja li tkun lesta tilqagħhom u tagħtihom il-kura u l-imħabba li l-ġenituri naturali tagħhom ma jkunux kapaċi jagħtuhom.
Hemm ħidma kbira li trid issir f’kull każ u l-professjonisti tal-Aġenzija Appoġġ jagħtu l-kura kollha possibbli lil dawn it-tfal.
Sina Bugeja, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali qalet li l-jum tal-Protezzjoni tat-Tfal ikun ċelebrat f’diversi pajjiżi f’dati differenti. Aħna qed infakkruħ il-lum, bit-tnedija ta’ din il-kampanja li qed insejjħulha ‘Ċoff Blu għall-Protezzjoni tat-Tfal’.
L-idea taċ-Ċoff Blu oriġinat fl-1989 meta nanna Amerikana rabtet ċoff blu mal-karrozza tagħha b’tifkira ta’ neputi li ta’ tliet snin miet kaġun tas-swat u l-abbużi ta’ missieru. Minn dakinhar, bdiet titqajjem kuxjenza favur it-tfal u beda jintlibes dan iċ-Ċoff Blu bħala simbolu tat-tbenġil li ħafna tfal isofru minħabba l-abbuz fuqhom.
L-iskop tal-kampanja hu li niffukaw fuq ir-responsabbiltajiet tal-ġenituri u kif dawn jistgħu jagħtu trobbija pożittiva lit-tfal tagħhom – trobbija msejsa fuq l-imħabba, il-kura u l-ħolqien ta’ ambjent pożittiv.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990